Il-Ħadd filgħodu fil-każin tal-Partit Nazzjonalista fil-Marsa kien hemm żewġ kelliema qabel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. L-ewwel kelliema, Janice Chetcuti sostniet li l-vera sinifikat tal-politika hija li l-pajjiż ikollu politika nadifa u ġusta. Irrikonoxxiet il-fatt li Malta waslet fi stat ikrah b’ambjent fejn wieħed jista’ jieħu l-liġi f’idejh. Hi semmiet li ż-żgħażagħ li organizzaw il-J Challenge ġewwa l-Gudja, attività li tissimbolizza d-diversità. Filwaqt li l-Kap tal-PN, Adrian Delia kien preżenti għal dawn l-attivitajiet, qalet li huwa bniedem pożittiv u ta’ kuraġġ kbir, li jemmen f’sinifikant ta’ politika fejn kulħadd igawdi, ‘il bogħod mill-korruzzjoni.

It-tieni kelliem kien id-deputat Ivan Bartolo fejn qal li n-Nazzjonalisti jridu jieqfu lill-ħażin u juru li huma qiegħdin hemm biex ineħħu l-ħażen. Sostna li dan huwa pajjiż fejn dawk li jinsabu fil-poter, jistgħu jagħmlu li jridu. Fakkar li rebħa ma ssarrafx f’xi ħaġa tajba u għalkemm l-ingann jista’ jrebbħek, fl-aħħar mill-aħħar se jwassal biex jifga lil dak li jkun.



