Futbol Sport

FILMAT: It-tim Malti ottimist għal riżultat pożittiv kontra l-Estonja

Ottimiżmu għal riżultat pożittiv fil-kamp lokali, hekk kif illum wara nofsinhar fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, it-tim nazzjonali Malti jilgħab partita ta’ ħbiberija kontra l-Estonja, f’dik li se tkun l-ewwel partita uffiċjali għall-kowċ tat-tim nazzjonali l-ġdid Tom Saintfiet.

Lejliet il-partita, il-Belġjan tenna s-sodisfazzjon tiegħu għal mod kif it-tim qed jipprepara għal dan il-konfront. Saintfiet qal li ra l-aħħar ħames partiti tal-Estonja, kif ukoll kien preżenti għal konfront li kellhom kontra l-Belġju.

Hu qal li l-avversarji jilagħbu futbol dirett  u kuntrarju għat-tim Malti għandhom plejers twal ħafna. Saintfiet kompla jgħid li ħafna drabi jilagħbu b’sistema ta’ 3-4-3 u għandhom diversi plejers li jilagħbu barra l-pajjiż filwaqt li għandhom il-kampjonat tagħhom professjonali.

Il-kowċ nazzjonali kompla jgħid li fl-aħħar logħbiet, it-tim Malti għadda minn perjodu ftit negattiv, iżda saħaq li se jibdel xi strateġija u formazzjoni, bit-tim Malti mistenni jilgħab b’sistema ta’ 4-2-3-1.

Hu qal ukoll li ddeċieda fuq l-ewwel ħdax li se jibdew iżda ma żvelax ismijiet, madankollu jidher li plejers bħal Ryan Fenech u Michael Mifsud mistennija jibdew. Il-kowċ Belġjan qal li biex wieħed jikseb ir-riżultati mixtieqa wieħed jieħu ż-żmien.

Saintfiet tkellem ukoll fuq il-plejers il-ġodda fejn qal li dawn irid ikollhom iċ-ċans biex iħossu l-pressjoni ta’ logħbiet internazzjonali. Hu tenna li għandu pjan li ż-żgħażagħ jibdew jieħdu t-tim mingħand il-plejers veterani fit-tim, iżda sostna li jridu ż-żmien.

Il-kowċ nazzjonali qal li t-tim kellu organizzazzjoni tajba taħt Ghedin, iżda issa jrid li minflok jiksbu riżultati bi skor baxx, jibdew jilagħbu aktar u jpaxxu lill-pubbliku.

Saintfiet qal li joħroġ sodisfatt minn dan il-konfront jekk it-tim iżomm is-sistema ta’ logħob, ikun kommess fil-logħba u jkun kuntent ħafna jekk it-tim joħloq l-okkażjonijiet fil-fażi offensiva.

Preżenti wkoll kien hemm il-captain tat-tim nazzjonali Malti Michael Mifsud qal li li t-tim ħadem ħafna għal din il-logħba u jittamaw li jkollhom prestazzjoni tajba. Mifsud qal ukoll li kull kowċ ikollu l-ideat ġodda tiegħu u bħala tim jinsabu eċċitati għal din l-esperjenza ġdida.

Mistoqsi dwar il-kundizzjoni tiegħu, hu qal li jitħarreġ professjonalment u għalih l-età hi biss numru. Mifsud jemmen li għad fadallu x’joffri u jibqa’ jagħti l-kontribut tiegħu sakemm jista’.