Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump, mill-ġdid, kien involut f’battibekk bil-kliem mat-Tmexxija tal-Korea ta’ Fuq — ftit qabel hu offra s-servizzi tiegħu bħala medjatur fi kwistjoni delikata dwar territorju fil-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar.
Trump, permezz ta’ messaġġ fuq Twitter, qal li hu mhu se jasal qatt biex jirreferi għall-Mexxej Korean komunista Kim Jong-un bħala ‘bniedem qasir u oħxon’. Dan wara li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fi Pyongyang kien irrefera għall-President Amerikan bħala ‘persuna anzjana’, fost il-kritika għall-aħħar żjarat ta’ Trump fil-pajjiżi Asjatiċi.
Intant, Donald Trump uża l-media soċjali biex anki joffri s-servizzi tiegħu ‘volontarjament’ bħala medjatur fit-tilwima li ilha għaddejja dwar drittijiet fuq it-territorji fir-reġjun tal-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar. Il-kwistjoni qed tinvolvi pajjiżi bħaċ-Ċina, il-Vjetnam, il-Filippini, it-Tajwan, il-Malasja u Brunei.
Il-Vjetnam u l-Filippini, fil-fatt, ilhom żmien jiffaċċjaw sitwazzjoni ta’ tensjoni maċ-Ċina minħabba dawn it-territorji jew gżejjer polemikużi u Trump, issa, qed jissuġġerixxi li l-esperjenza tiegħu fin-negozjati tista’ tgħin lejn soluzzjoni.
Madankollu, il-kwistjoni bejn Trump u l-Korea komunista kompliet teskala permezz tal-insulti fuq Twitter u l-istqarrijiet uffiċjali. Dan waqt li r-reġim fi Pyongyang qal li ż-żjarat ta’ Trump fil-pajjiżi Asjatiċi ‘huma parti minn impenn għall-gwerra’. Kien ukoll kurjuż il-kumment ta’ Trump fuq Twitter li ‘qed jipprova ħafna biex isir ħabib ta’ Kim Jong-un’ u li ‘xi darba din il-ħaġa għad issir realtà’.
//= $special ?>


