Lokali

“Il-vot tagħkom investiment fil-Partit” – Toni Bezzina

Hekk kif is-Sibt mijiet ta’ tesserati bdew jitfgħu l-vot tagħhom għall-għażla ta’ Viċi Kap tal-Affarijirt tal-Partit u tal-Affarijiet Parlamentari, il-Perit Toni Bezzina sejjaħ lit-tesserati biex jeżerċitaw dan id-dritt tagħhom u biex jarawh bħala l-investiment tagħhom fil-Partit Nazzjonalista.  Bezzina appella biex dawk li kienu għadhom ma ġabrux il-vot tagħhom biex jagħmlu dan mingħajr dewmin u biex nhar is-Sibt li ġej jivvutaw f’din it-tieni Konvenzjoni Ġenerali ta’ din is-sena.

Toni Bezzina saħaq li kien sodisfatt bil-proposti li prezenta wara l-ħafna laqgħat li kellu kemm mat-tesserati, mal-membri tal-Fergħat u anke ma diversi setturi tas-soċjetà ċivili.

Toni Bezzina sostna li l-“irwol ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit irid jara’ mhux biss l-organizazzjoni strutturali tal-Partit iżda jrid jara’ wkoll li jixpruna u jibda’ jwettaq il-ħidma politika li se twassal għat-tnedija ta’ programm elettorali kemm għall-elezzjoni ġenerali, iżda anke għall-elezzjonijiet aktar imminenti, dawk tal-Kunsilli Lokali u tal-Membri tal-Parlament Ewropej.”

Bezzina sostna li min hawn u ftit xhur oħra l-Partit irid ikun lest, b’listi ta’ għexieren ta’ kandidati u programmi lokali, biex jidħlu għall-isfida ta’ elezzjonijiet lokali u waħda fuq livell nazzjonali.

Matul il-jiem li ġejjin il-Perit Toni Bezzina ser ikun qed ikompli jiltaqa’ mal-membri tal-Partit Nazzjonalista biex magħhom jiddiskuti l-proposti tiegħu li jitrattaw il-Partit, il-midja tal-Partit u s-sehem tal-membri tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politika tal-Partit Nazzjonalista.

“Il-messaġġ tagħna jrid ikun koerenti bis-sehem tal-membri, bil-ħidma tal-edituri u l-midja tagħna u bil-kuntatt kontienwu tad-deputati u l-fergħat tagħna fil-komunità” temm jgħid Toni Bezzina.