Internazzjonali

Ir-Renju Unit isellem lill-mejtin tal-gwerra

 

Il-politiċi tal-Gvern, il-membri tal-Familja Rjali u numru ta’ veterani kienu fost dawk li, illum, sellmu lil kulmin tilef ħajtu b’konsegwenza tal-gwerra — bir-Renju Unit kollu jingħaqad f’rispett għall-vittmi fil-jum magħruf bħala Remembrance Sunday.

Dan waqt li kienu osservati żewġ minuti ta’ silenzju madwar il-pajjiż  fost it-tqegħid tal-bukketti maġenb il-monumenti tat-tifkira għall-vittmi tal-gwerra.

Il-Prinċep Karlu tal-Ingilterra attenda ċ-ċerimonja annwali għal din l-okkażjoni quddiem is-Cenotaph (fiz-zona ta’ Whitehall) fost id-daqq mill-arloġġ tal-Big Ben, f’Londra. Għall-ewwel darba, ir-Reġina Eliżabetta ma poġġietx girlanda tal-fjuri iżda segwiet iċ-ċerimonja tat-tifkira mill-gallarija tal-Foreign Office, fil-kapitali.

Preżenti għall-avveniment kien hemm il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, flimkien ma’ politiċi, kapijiet reliġjużi u personalitajiet distinti minn madwar il-Commonwealth.

Tqiegħdet anki girlanda quddiem il-memorja għall-Welsh Guards f’Londra, waqt li fl-Iskozja saru servizzi simili ta’ rispett għall-vittmi tal-gwerra.

Fl-Irlanda ta’ Fuq, il-Prim Ministru Leo Varadkar qiegħed girlanda quddiem is-Cenotaph f’Enniskillen, b’din iċ-ċerimonja sseħħ 30 sena wara li bomba tal-IRA kienet qatlet 12 il-persuna fl-istess inħawi.

Iċ-ċerimonji tal-lum kollha fakkru lill-aktar minn miljun suldat Britanniku u tal-pajjiżi tal-Commonwealth li mietu waqt l-Ewwel u t-Tieni Gwerer Dinjija. Saru, intant, numru ta’ diskorsi dwar l-importanza tar-rikonċiljazzjoni u li wieħed għandu jiftakar fis-sagrifiċċju tal-vittmi tal-gwerer biex il-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom igawdu l-libertà.