L-awtoritajiet Iraqqin ikkonfermaw is-sejba ta’ oqbra tal-massa b’mijiet ta’ katavri, fost indikazzjonijiet qawwija li l-vittmi kienu nqatlu mit-terroristi tal-ISIS.
Is-sejba saret f’bażi tal-ajru ftit ‘il hinn mill-belt ta’ Hawija, li sax-xahar li għadda biss kienet għadha okkupata mill-ISIS. Uħud mill-vittmi nstabu lebsin il-ħwejjeġ ċivili waqt li oħrajn kienu bil-jumpsuits li t-terroristi tal-ISIS ilibbsu lill-persuni li jkunu kundannati għall-mewt.
Il-Gvernatur tal-provinċja ta’ Kirkuk, Rakan Said, qal li l-bażi tal-ajru ta’ Rashad, fin-nofsinar ta’ Hawija, inbidlet f’ċentru għall-esekuzzjonijiet u wara li din intużat ukoll mill-ISIS bħala kamp għat-taħriġ u bażi għal-loġistika.
Intant, uffiċjali għolja mal-qawwiet Iraqqin qalu li setgħu jsibu l-lokalità tal-‘aħħar oqbra’ wara li r-residenti taz-zona produċew ‘informazzjoni provduta mix-xhieda’.
Il-qawwiet Iraqqin, fl-aħħar xhur, sabu għexieren ta’ oqbra tal-massa fiz-zoni tal-Iraq li darba kienu taħt il-kontroll tal-ISIS. L-awtoritajiet fl-Iraq, fil-preżent, qed jiġbru dettalji u statistika dwar kemm il-persuna mietu taħt idejn l-ISIS, bl-investigazzjonijiet għaddejjin dwar ‘kemm hemm vittmi fl-oqbra partikulari’.
//= $special ?>


