Tard filgħaxija bħal-lum ġimgħa bdew jiġu pubblikati sensiela ta’ dokumenti magħrufa bħala ‘Paradise Papers’ li wara l-iżvelar tagħhom reġa’ hemm il-Konsorzju Internazzjonali ta’ Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ). Fl-ewwel sigħat tal-pubblikazzjoni tal-ewwel dokumenti spikka fost oħrajn l-isem ta’ Kamaladdin Heydarov, il-Ministru għas-Sitwazzjonijiet ta’ Emerġenza fl-Ażerbajġan. Heydarov huwa klijent tal-Bank Pilatus wara spezzjoni li kienu għamlu uffiċjali tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji. Fil-blog ta’ Daphne Caruana Galizia, li ġiet assassinata tliet ġimgħat ilu, kien issemma Heydarov bħala klijent ewlieni tal-Bank Pilatus u li kellu diversi kontijiet ta’ kumpaniji li huwa marbut magħhom. Il-gazzetta il-mument stħarrġet is-saħħa finanzjarja tal-Ministru Kamaladdin Heydarov u kif żviluppaw ir-relazzjonijiet bejn il-Gvern Malti u dak tal-Ażerbajġan fl-aħħar erba’ snin u nofs.
Investigazzjonijiet minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħal Global Witness u Organised Crime and Corruption Reporting Project stabbilew x’jiġri mill-biljuni kbar ta’ dollari li l-Gvern tal-Ażerbajġan idaħħal mill-industrija taż-żejt u l-gass. Dawn jintużaw għal tixħim, jispiċċaw għand membri tal-familja Aliyev li jmexxu l-pajjiż u għand ħbieb tagħhom, xiri ta’ tagħmir militari u finalment għal affarijiet oħra li jikkonċernaw il-baġit tal-pajjiż.
Dan meta li l-maġġoranza tal-poplu tal-Ażerbajġan jgħix fil-faqar. Din is-sitwazzjoni tqanqlet kemm-il darba fil-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll fuq livelli aktar internazzjonali.
Kamaladdin Heydarov… l-aktar sinjur wara l-familja Aliyev
Kamaladdin Heydarov huwa meqjus bħala l-aktar persuna sinjura fl-Ażerbajġan wara l-familja Aliyev. Għal ħafna snin kellu l-kariga ta’ Chairmantal-Kumitat tal-Istat Ażerbajġani responsabbli mid-Dwana. Dejjem ġie allegat li minn din il-kariga, Heydarov wassal biex ikkontribwixxa għal kultura sistematika ta’ korruzzjoni fejn jidħol l-operat tad-dwana u tal-kummerċ barrani, kif ukoll ġew stabbiliti monopolji fejn għandhom x’jaqsmu l-esportazzjoni u l-importazzjoni.
Kamaladdin Heydarov u l-imperu tiegħu
Il-President tal-pajjiż, Ilham Aliyev, ħatar lil Kamaladdin Heydarov bħala l-Ministru għas-Servizzi tal-Emerġenza. Dan il-Ministeru flimkien mar-responsabbiltà tal-Awtorità tad-Dwana żviluppaw bħala bażi tal-imperu ta’ Heydarov. Il-Ministeru għas-Servizzi tal-Emerġenza mhuwiex biss responsabbli mid-diżastri naturali jew sitwazzjonijiet oħra ta’ emerġenza fl-Ażerbajġan. Il-Ministeru ta’ Kamaladdin Heydarov jikkontrolla wkoll attività oħra li għandha x’taqsam tas-sigurtà interna tant li l-istess Ministeru għandu speċi ta’ qawwiet armati speċifikament imqabbda mal-Ministeru konċernat.
Settur li jrendi ammonti kbar ta’ flus jirriżulta li huwa r-responsabbiltà tal-Ministeru li jmexxi Heydarov biex tkun assigurata s-sigurtà waqt xogħlijiet ta’ kostruzzjoni. Il-belt kapitali Ażerbajġana, Baku, ilha għaddejja minn attività qawwija ta’ kostruzzjoni, u skont dokumenti żvelati mill-‘Wikileaks’, jingħad li Kamaladdin Heydariv abbuża mill-kariga tiegħu ta’ Ministru biex jikseb flus minn dawn il-proġetti ta’ kostruzzjoni fl-isfond ta’ theddid li jiġu sospiżi x-xogħlijiet għal raġunijiet ‘ta’ sigurtà’.
Huwa allegat li Heydarov juża ħbieb u alleati tiegħu biex jikkontrolla l-Ministeru tat-Taxxi, il-Ministeru tal-Ekoloġija u r-Riżorsi Naturali u l-Fond Statali għall-Protezzjoni Soċjali.
Hemm ukoll uffiċjali pubbliċi leali ħafna lejn Heydarov. Fost l-oħrajn hemm il-gvernaturi ta’ diversi distretti fl-Ażerbajġan fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar tal-pajjiż.
Il-bażi tas-saħħa ekonomika ta’ Heydarov hija l-kumpaniji Gilan Holding, Akkord Holding, ATA Holding u United Enterprises International b’attivitajiet li jvarjaw min-negozju tal-kavjar, tat-tabakk, tal-alkoħol u tal-kostruzzjoni.
Kamaladdin Heydarov u r-rabtiet mal-Bank Pilatus
Kamaladdin Heydarov huwa wieħed mill-akbar klijenti tal-Bank Pilatus li jinsab f’Ta’ Xbiex. Żewġ klijenti oħra kbar li huma b’saħħithom ħafna fl-Ażerbajġan huma żewġ ulied tal-President tal-pajjiż; Heydar Aliyev u Leyla Aliyeva.
Huwa stmat li 60 fil-mija tad-depożiti fil-Bank Pilatus huma ta’ individwi Ażerbajġani esposti politikament. Huwa meqjus li dawn jammontaw għal miljuni kbar ta’ dollari.
Is-sid tal-Bank Pilatus huwa Iranjan, Seyed Ali Sadr Hashemenijad, li fl-20 ta’ April ta’ din is-sena kien inqabad minn crew ta’ Net TV ħiereġ b’bagalji mimlijin dokumenti mill-bini tal-bank tard filgħaxija. Dakinhar huwa kien akkumpanjat minn Antoniella Gauci, Risk Manager tal-Bank Pilatus.
It-titjira misterjuża minn Malta lejn Baku għal Dubaj
Dakinhar stess billejl, jet privat tat-tip Bombardier Challenger 850 (9H-ILZ), operat minn VistaJet Malta, ħalla l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta f’titjira privata lejn Baku fl-Ażerbajġan f’nofs ta’ lejl, preċiżament fl-3.56am.
Is-sit elettroniku FlightRadar, li jsegwi kull titjira madwar id-dinja, ikkonferma l-ħin tat-tluq u tal-vjaġġ li ttieħed.

Kelliem għall-kumpanija VistaJet kien ikkonferma titjira minn Malta lejn Baku iżda kien sostna li ma kien hemm l-ebda persuna abbord l-istess titjira, u lanqas li ma kien hemm l-ebda merkanzija. Insista li din it-titjira kienet biss ferry flight li tieħu l-ajruplan fil-pajjiż, biex ikun jista’ jinbeda vjaġġ ieħor ladarba dan jasal fid-destinazzjoni.
Madankollu, din it-titjira privata baqgħet ikkunsidrata bħala waħda misterjuża immens minħabba li l-ajruplan daħħal id-dokumentazzjoni meħtieġa sitt minuti biss qabel it-tluq.
Minn aktar investigazzjonijiet li kienu saru rriżulta li minn Baku, l-ajruplan qabad titjira lejn Dubaj. Dan wara waqfa qasira fl-Ażerbajġan.
Malta meqjusa ‘provinċja’ Ażerbajġana’
Fl-aħħar leġiżlatura, il-Gvern Laburista tal-Prim Ministru Joseph Muscat bena relazzjoni mill-qrib mat-tmexxija fl-Ażerbajġan. Tant li f’Novembru tal-2015, il-President tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev laqa’ delegazzjoni parlamentari Maltija mmexxija mill-Ispeaker Anġlu Farrugia. F’din il-laqgħa, Aliyev kien stqarr li ż-żewġ pajjiżi jgawdu minn kuntatti attivi ħafna fuq diversi livelli, u ma naqasx milli jsemmi ż-żjarat li għamel il-Prim Ministru Malti fl-Ażerbajġan li fissirhom bħala “diskussjonijiet li taw riżultati” u rrimarka li “r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi qed iwasslu għal suċċess.” F’dawn iż-żjarat id-delegazzjoni Maltija ma ħaditx rappreżentanti tal-midja Maltija.
Dan minbarra s-sehem tal-kumpanija tal-enerġija statali Ażerbajġana Socar li hija parti ewlenija mill-konsorzju ElectroGas li qed iħaddem il-power station tal-gass f’Delimara fejn il-Gvern Laburista ntrabat li jixtri l-enerġija għall-power station b’rata ferm ogħla minn dik tal-interconnector.
Fl-2014, it-tifla tal-President tal-Ażerbajġan, Leyla Aliyeva, fil-kariga tagħha ta’ Viċi President tal-Fondazzjoni Heydar Aliyev kienet ġabet lejn Malta wirja ta’ ritratti dwar it-tfal, u f’din iż-żjara f’Malta bint il-President tal-Ażerbajġan kellha wkoll laqgħa fil-privat ma’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru.
Rapporti internazzjonali dan l-aħħar ikkwotaw sorsi fil-belt kapitali Baku li oligarki Ażerbajġani jqisu lil Malta bħala waħda mill-‘provinċji’ tal-Ażerbajġan. Daqshekk huma qrib ir-relazzjonijiet bejn min imexxi lill-Ażerbajġan u lil Malta.
//= $special ?>