Il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jigdeb u qed jipprova jiddevja l-attenzjoni siegħat qabel dibattitu fil-Parlament Ewropew fuq il-kollass tas-saltna tad-dritt f’Malta, liema kollass qed isir taħt is-superviżjoni tiegħu.
Saħaq dan il-membru Ewroparlamentari Nazzjonalista f’isem il-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech b’reazzjoni għad-diskors tal-Prim Ministru f’attività politika l-Ħadd filgħodu.
Zammit Dimech qal li l-Prim Ministru qed jigdeb dwaru dwar l-involviment tiegħu fil-Panama Papers. Il-Panama Papers jagħmlu referenza għal Valletta Legal, li kienet qed taġixxi bħala intermedjarja għall-klijenti tagħha.
Francis Zammit Dimech qal li hu qatt ma kien parti minn Valletta Legal u kellu biss ftehim għall-użu tal-istess uffiċċju. Għaldaqstant l-uffiċju ta’ Francis Zammit Dimech bħala avukat jidher fuq l-istess indirizz ta’ Valletta Legal imma minkejja kollox Francis Zammit Dimech qatt ma kellu interess fil-kumpanija li għaliha rrefera l-Prim Ministru.
Il-Membru Ewroparlamentari nazzjonalista saħaq li l-verità f’dan kollu hi li l-uniku Ministru fl-Unjoni Ewropea involut fl-iskandlu tal-Panama Papers hu Konrad Mizzi li flimkien maċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri kellhom kumpaniji sigrieti fil-Panama. U minkejja dan kollu l-Prim Ministru naqas milli jieħu azzjoni fil-konfront ta’ dawn iż-żewġ persuni fejn la l-FIAU u l-anqas il-Pulizija ma ħadu azzjoni.
Dawn huma attentati ddisprati mill-gvern biex jipprova jwaqqaf lil Francis Zammit Dimech u jsikktu milli jitkellem dwar is-sitwazzjoni preżenti f’Malta, attentat li se jfalli. Zammit Dimech saħaq li hu se jkompli jaħdem biex jiddefendi d-drittijiet taċ-ċittadini Maltin.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li hekk kif nhar it-Tlieta li ġej l-Parlament Ewropew se jiddiskuti, f’mossa mingħajr preċedent, is-saltna tad-dritt f’pajjiżna, il-Partit Laburista qed jkompli bl-attentat fjakk tiegħu biex jiddevja l-attenzjoni. Il-Partit Laburista jrid jiddevja l-attenzjoni minn fuq il-krizi fl-istituzzjonijiet ta’ pajjizna.
Il-Partit Nazzjonalista huwa determinat li wara l-avvenimenti li ġraw fl-aħħar ġimgħat, mhux se jħalli lill-Partit Laburista jiddevja l-attenzjoni u lanqas mhu se jħalli l-Partit Laburista jibqa’ għaddej b’sitwazzjoni ta’ business as usual.
//= $special ?>