Il-kowċ nazzjonali Malti Tom Saintfiet beda l-konferenza stampa ta’ wara l-logħba billi qal li wara din il-logħba għandu prestazzjonijiet imħallta. Hu qal li mhux kuntent minħabba r-riżultat filwaqt li minbarra l-ewwel 12-il minuta, il-plejers Maltin pruvaw jilagħbu b’mod offensiv.
Saintfiet qal li l-logħba bdiet tintlagħab wara t-tieni gowl u sostna li għal kważi 40 minuta kien it-tim Malti biss jilgħab. Hu saħaq li r-riżultat finali kien kiefer u probabbli li riżultat ta’ 2-1 jew saħansitra 2-2 kien ikun aktar ġust.
Il-Belġjan tkellem ukoll fuq xi prestazzjonijiet individwali fejn semma l-inklużjoni ta’ Kyrian Nwoko li qal li daħal tajjeb, il-prestazzjonijiet ta’ Rowen Muscat u Michael Mifsud li kienu ilhom neqsin mill-azzjoni iżda taw aktar milli mistenni. Dwar Zach Muscat, il-kowċ nazzjonali qal li l-plejer wasal tard mal-iskwadra u ftit kellu ċans biex jitħarreġ mat-tim.
Tom Saintfiet kompla jgħid li hu sodisfatt b’90% tal-prestazzjoni. Hu qal li qed jipprova jibdel l-idea tal-futbol milgħub u qal li jkun hemm titjib aktar ma jintlagħbu logħbiet, iżda tenna li sodisfatt b’dak li l-plejers għamlu.
Mistoqsi dwar it-tibdil li għamel fil-formazzjoni u l-plejers magħżula, Saintfiet qal li wieħed ma jistax iqabbel l-aħħar logħba ta’ Pietro Ghedin mal-ewwel logħba tiegħu għaliex hu għażel il-plejers skont is-sistema li jrid jilgħab biha huma, bl-eċċezzjoni ta’ Zach Muscat li qal li ma kellux biżżejjed taħriġ mat-tim.
“Irridu naħdmu b’mod differenti. Qed inħares li forsi jkolli l-plejers għal darba jew darbtejn fil-ġimgħa, u jien qiegħed hawn disponibbli biex naħdem.” Mistoqsi dwar x’jaħseb il-pubbliku sportiv fuq din il-prestazzjoni, Saintfiet qal li jaħseb li l-pubbliku apprezza l-isforzi tal-plejers u qal li l-pass li jmiss hu li jżidu fuq dan il-bidu għall-partita ta’ ħbiberija li jmisshom kontra l-Lussemburgu f’Marzu.
Il-kowċ nazzjonali Malti saħaq li hu mhux qed iħoss aktar pressjoni wara din il-logħba.
//= $special ?>