Il-Prim Minsitru ta’ Spanja, Mariano Rajoy, qal li l-elezzjonijiet li se jsiru x-xahar id-dieħel fir-reġjun tal-Katalonja għandhom itemmu ‘it-taqlib li qegħdin joħolqu s-separatisti Katalani’.
Rajoy qal dan meta kien qed jagħmel l-ewwel żjara tiegħu fil-Katalonja mindu l-Gvern ta’ Madrid impona t-tmexxija diretta fuq ir-reġjun, ħmistax ilu. Il-Prim Ministru Spanjol iddefenda d-deċiżjoni dwar it-tmexxija diretta u, waqt diskors f’Barċellona, qal li kien eżawrixxa kull possibbiltà oħra wara d-dikjarazzjoni unilaterali tax-xahar li għadda mill-ekx Gvern Katalan għal Katalonja indipendenti.
Fil-preżent, numru ta’ eksmexxejja Katalani qed jinżammu taħt arrest fi Spanja b’konnessjoni mal-impenn għal Katalonja separata mill-bqija tal-pajjiż. Fi tmiem il-ġimgħa, ‘il fuq minn 700,000 dimostrant ħarġu f’Barċellona biex jipprotestaw kontra l-arresti.
Il-kriżi bejn Madrid u l-Katalonja qamet wara referendum polemikuż dwar l-indipendenza tar-reġjun partikulari li kien sar f’Ottubru. Il-qrati Spanjoli kienu ddikjaraw il-vot bħala illegali waqt li l-uffiċjali Katalani qalu li l-kampanja favur l-indipendenza tal-Katalonja kienet kisbet 92 fil-mija tal-vot minn konkorrenza ta’ 43 fil-mija. Intant, ħafna mill-Katalani li kienu kontra l-indipendenza ma vvutawx u fejn irrifjutaw li jirrikonoxxu l-leġittimità tar-referendum.
Wara li l-eks-Gvern Katalan kien iddikjara l-indipendenza tar-reġjun, ftit ġimgħat wara l-vot, il-Gvern Spanjol qabad u xolja lill-Parlament tal-Katalonja, filwaqt li impona l-amministrazzjoni diretta fuq il-Katalonja u sejjaħ għal elezzjoni bikrija fir-reġjun li se ssir fil-21 ta’ Diċembru.
//= $special ?>

