Lokali

Stedina lill-kumitati u lill-fergħat biex jibagħtu l-proposti tagħhom

Tkompli titwettaq il-viżjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li jrid li l-politika titwettaq minn isfel għal fuq

Matul din il-ġimgħa l-membri tal-kumitati sezzjonali u tal-fergħat tal-Partit Nazzjonalista rċevew stedina uffiċjali biex jagħtu r-reazzjonijiet tagħhom għad-diskors li għamel nhar il-Ħadd li għadda l-Kap tal-PN Adrian Delia.

Fid-diskors tiegħu, Adrian Delia tkellem dwar diversi punti mill-aktar importanti li jolqtu direttament il-qagħda attwali tal-PN kif ukoll it-triq ‘il quddiem tal-istess Partit biex jerġa’ jsir l-għażla naturali tal-poplu Malti u Għawdxi.

L-istedina lill-kumitati sezzjonali u lill-fergħat tal-Partit intbagħtet minn Jean Pierre Debono, l-Assistent Segretarju Ġenerali tal-PN, li f’kumment lil gazzetta il-mument fisser li din il-ġimgħa kompla l-proċess ta’ konsultazzjoni mal-għeruq tal-Partit li kien wiegħed il-Kap tal-PN Adrian Delia fejn il-politika fil-Partit irid li jaraha tinbena minn isfel għal fuq. Issa d-diskors tal-Ħadd li għadda, intbagħat lill-membri kollha tal-kumitati sezzjonali, lill-membri tal-fergħat tal-Partit kif ukoll lill-kandidati tal-Elezzjoni Ġenerali u lill-kunsillieri Lokali, huma kienu mistiedna biex jibagħtu r-rispons tagħhom u l-proposti tagħhom kemm fuq livell individwali u anki fuq livell tal-istrutturi li huma jiffurmaw parti minnhom.

Jean Pierre Debono fisser li dan l-eżerċizzju qiegħed isir għat-tieni darba wara li fl-ewwel proċess ta’ konsultazzjoni l-Kap tal-Partit kien talab għas-suġġerimenti biex ikunu inklużi fid-diskors tiegħu fir-replika għall-Baġit 2018. Tajjeb li jingħad li sal-ġurnata tal-lum, dak id-diskors għadu ma sarx minħabba ċ-ċirkustanzi li żviluppaw fil-pajjiż dakinhar li kellu jsir id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni u li minn informazzjoni li għandha il-mument,jirriżulta li diversi mill-punti u l-proposti li ntbagħtu mill-istrutturi tal-Partit kienu jiffurmaw parti mill-istess diskors.

Jirriżulta issa li wara li ntbagħtet din l-istedina bid-diskors tal-Kap tal-PN fil-Kunsill Ġenerali, diġà bdew jidħlu numru ta’ reazzjonijiet li qed jgħaddu immedjatament għall-attenzjoni tal-Kap tal-PN.

Fl-istess ħin inbeda proċess ieħor fejn l-istess strutturi tal-Partit qed ikunu mistiedna jiddiskutu d-diskors li għamel nhar il-Ħadd li għadda Dr George Vidal Zammit, il-kelliem mistieden fil-Kunsill Ġenerali, li għamel analiżi tal-PN fil-passat, fil-preżent u għall-futur. F’dan ir-rigward l-istrutturi tal-Partit qed jintalbu jgħarblu din l-analiżi li saret minn Dr George Vidal Zammit u jibagħtu r-reazzjonijiet tagħhom.

George Vital Zammit jindirizza l-Kunsill Ġenerali tal-PN

Jean Pierre Debono kkonkluda li fl-istess waqt, il-kumitati sezzjonali u l-istrutturi tal-Partit ingħataw ukoll miri ta’ tesserament ġdid fil-PN kif ukoll ġbir b’risq il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi li mistennija ssir fil-bidu ta’ Diċembru li ġej.