Lokali

“It-tiġdid fil-PN ifisser żwieġ bejn l-esperjenza u l-innovattiv” – Kristy Debono

Kristy Debono, il-President il-ġdid tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, wiegħdet impenn qawwi għat-tiġdid meħtieġ fil-PN, u qalet li se tagħmel minn kollox biex iġġib l-esperjenza u l-innovattiv flimkien biex il-Partit jerġa’ jissaħħaħ u jsir l-għażla naturali tal-Maltin u l-Għawdxin.

Fintervista ma’ il-mument, Kristy Debono fissret kif il-kariga ta’ President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN; l-ogħla struttura fil-Partit, tpoġġi fuqha f’dawn iż-żminijiet partikulari, responsabbiltajiet kbar.

“Nassigurak li se nagħmel dak meħtieġ u possibbli biex terġa’ ssaltan l-għaqda fil-Partit u biex nerġgħu nsiru forza qawwija bħala partit politiku u partit fl-Oppożizzjoni. Irrid nassigura wkoll li l-PN ikun il-partit li jsemma’ l-vuċi tan-nies fit-toroq, fid-djar, fil-postijiet tax-xogħol u fil-postijiet ta’ rikreazzjoni. Il-politika, iva, se nagħmluha minn isfel għal fuq u b’ħafna konsultazzjonijiet mal-partijiet kollha. Dan ukoll hu parti mit-tiġdid li jrid isir biex il-Partit jerġa’ jikber u jissaħħaħ.”

Kristy Debono rringrazzjat lill-Kunsillieri kollha tal-Partit li ħadu sehem fl-elezzjoni ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet. Hi qalet li l-mumenti ta’ bħalissa huma mill-aktar partikulari u kruċjali: “Mumenti li fihom irridu nħarsu b’mod innovattiv ukoll. Inħarsu wkoll lejn il-politika b’mod rilevanti u mill-aktar importanti li tagħmel id-differenza fil-ħajja tal-Maltin u tal-Għawdxin.”

Impenn għall-għaqda fil-PN

Kristy Debono kompliet li l-mod il-ġdid tal-politika li se tkun qed titwassal mit-tmexxija l-ġdida hi bbażata fuq il-prinċipji li nkunu partit modern u rilevanti u dan filwaqt li nibqgħu nfittxu l-metodi kollha meħtieġa biex nibqgħu nissaħħu.

“Qegħdin iffaċċjati b’ħafna sfidi. Quddiemna se jitfaċċaw ħafna sfidi ġodda. Irid ikun biss għalina li minn dawn l-isfidi nagħrfu niksbu l-opportunitajiet kollha biex il-PN jingħaqad, u dan mill-aktar fis possibbli. Wara l-proċess elettorali għall-ħatra tat-tmexxija l-ġdida tal-Partit – fejn ikun hemm min joħroġ diżappuntat u min joħroġ sodisfatt – issa u bla dewmien – irid isir impenn minn kulħadd biex il-PN jerġa’ jingħaqad. Dan hu proċess naturali li għandu jwassal biex kull membru fil-PN jifhem li issa se jkollna sfidi kbar quddiemna li jeħtieġu li jsibuna lkoll magħqudin biex nirbħuhom.”

Lejn politika interna ta’ djalogu

Kristy Debono qalet li kien għaqli li l-Kap il-ġdid tal-PN Adrian Delia ħeġġeġ biex il-proċess tal-ħatriet il-ġodda jsir bla tul żejjed ta’ żmien. Tajjeb li dawn il-ħatriet b’mod demokratiku jkunu kompluti kollha biex hekk il-karigi kollha jkunu f’posthom u hekk it-tmexxija l-ġdida kollha tkun magħrufa u l-Partit ikun jista’ jibda jwettaq ħafna xogħol li għandu quddiemu. “Jeħtieġ li jkun hemm it-tolleranza lejn il-ħsibijiet differenti. Aħna Partit bi ħsibijiet differenti differenti. Aktar milli nfittxu dawk it-temi li jifirduna, ejja naħdmu biex inżewġu l-ħsibijiet u l-veduti tagħna flimkien! Ejja nibqgħu partit tad-diversità fejn kulħadd ikollu l-vuċi tiegħu libera li jsemmagħha! Ejja nirrispettaw kull ħsieb u opinjoni!”

“Fuq kollox, ejja nitkellmu u niddjalogaw flimkien, tmexxija, kunsillieri, tesserati! Ejja nisimgħu lil xulxin! Il-fergħat tal-PN ejja nagħmluhom fonti ta’ diskussjoni u mhux biss biex jieħdu ħsieb il-każini, jagħmlu l-ġbir u daqshekk! Nitkellmu u darba tittieħed id-deċiżjoni allura kulħadd jirrispetta dik id-deċiżjoni li tkun immaturat wara ħafna djalogu sinċier, u hekk ilkoll nimxu wara dak li jkun deċiż b’mod demokratiku,” sostniet Kristy Debono.

Hi kompliet li l-PN huwa fortunat li għandu tant persuni li jimmilitaw fih u jagħtu ħinhom u l-kontribut tagħhom. Hu fil-qafas ta’ din ir-realtà li kull individwu fi ħdan il-Partit għandu jaħdem u jistinka biex il-PN jerġa’ jissaħħaħ, jikber u jingħaqad biex jerġa’ jsir forza politika qawwija u Oppożizzjoni rilevanti.

Oppożizzjoni għal gvern alternattiv

Mistoqsija dwar il-viżjoni immedjata għall-PN, Kristy Debono fissret li l-Partit Nazzjonalista għandu żewġ skopijiet importanti: l-ewwel li jissaħħaħ u jikseb il-kredibbiltà u jerġa’ jsir rilevanti ħalli mbagħad ikun f’pożizzjoni li joffri Oppożizzjoni ta’ gvern alternattiv.

“Waħda ma tistax issir mingħajr l-oħra u għalhekk kif jingħalqu l-proċessi elettorali fil-ġimgħat li ġejjin, se nibdew naħdmu flimkien biex dan il-proċess ta’ tisħiħ u għaqda fil-Partit isir minnufih ħalli nkunu verament nistgħu nsemmgħu leħinnha hemm barra bħala l-għażla naturali tal-elettorat li jarana bħala gvern alternattiv.”

“Bħala parti mit-tmexxija, mhux biss se nkun il-vuċi tal-kunsillieri li huma l-aktar nies viċn tal-PN, imma wkoll se nkun il-vuċi tan-nies hemm barra. Se nipprova nżewweġ flimkien l-esperjenzi tan-nies li niltaqa’ magħhom mal-ħsibijiet il-ġodda ta’ ħafna persuni ġodda. Nemmen ħafna fil-politika tan-nies. Inkun naħdem ħafna viċin in-nies u nemmen li aħna fi ħdan il-PN irridu nfasslu l-politika minn isfel għal fuq u dan billi tassew inkunu viċin in-nies.”

“Ir-rwol tiegħi hu li nara li ma ningħalqux ġo torri tal-avorju u ninqatgħu minn man-nies imma nkunu tassew il-polz ħaj tal-poplu kollu. Tajjeb li nżommu quddiem għajnejna li r-riga li n-nies ikelju biha lill-PN mhix l-istess riga li biha jkejlu lill-PL. Tul iż-żjarat fid-djar, ħafna drabi sibt li n-nies jistennew ferm aktar mingħandna. Dan ifisser li rridu naħdmu ferm u ferm aktar, però hu ċertifikat sabiħ ukoll li n-nies hemm barra jistennew aktar mill-PN fir-rigward ta’ dak li hu ġust, serju u sew.”

Kristy Debono qalet li din lilha ma ddejjaqha xejn, anzi temmen li rridu naraw lin-nies hemm barra jibqgħu jħarsu lejn il-PN bl-ogħla stima u rispett. “Żgur li ma nemminx li l-PN tilef l-aħħar elezzjonijiet għaliex in-nies ma jemmnux fil-politika tal-ġustizzja, ix-xogħol, il-valuri, id-demokrazija u l-libertà tal-espressjoni li jħadden il-PN. Imma nemmen li kellna problema biex inwasslu l-messaġġ tal-ħidma li kienet issir qabel l-2013 meta l-PN kien għadu fil-gvern, u wkoll kellna sfidi ta’ komunikazzjoni fl-aħħar erba’ snin u nofs.”

“Nemmen ukoll li fl-aħħar elezzjoni ġenerali l-PL ma rebaħx għaliex wettaq politika ġusta u soċjali, imma rebaħ għaliex abbuża mill-poter u għamel l-arja għaliex kellu maġġoranza parlamentari wiesgħa u għaliex fl-aħħar ġimgħat ta’ qabel l-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet għamel eluf ta’  pjaċiri, promozzjonijiet, impjiegi, ħruġ ta’ permessi..”

Laqgħat mal-kumitati sezzjonali u mal-fergħat

Kristy Debono qalet li se tibda b’sensiela ta’ laqgħat mal-kumitati sezzjonali kollha u mal-fergħat li jiffurmaw parti mill-Kunsill Ġenerali. Dawn iservu ta’ diskussjonijiet miftuħa. “Irrid inwassal il-messaġġ tagħhom lill-istrutturi tal-Partit wara li nisma’ xi jridu u x’jistennew mill-kariga tiegħi u mill-operat tal-PN.”

Hi qalet li f’issues  nazzjonali bħall-baġit, il-prostituzzjoni u l-IVF, il-kumitati u l-kunsillieri għandhom jgħidulna x’jaħsbu, ngħarbluhom u fl-aħħar infasslu l-politika tagħna bbażata fuq l-esperti, imma wkoll fuq dak li jgħidulna l-kunsillieri. Dan hu l-mod ġdid li għandu jitħaddem mit-tmexxija l-ġdida tal-PN.”

Fi tmiem l-intervista saret referenza għad-diksors tal-Ħadd li għadda li għamel Adrian Delia fi tmiem il-Kunsill Ġenerali. Kristy Debono fissret li l-Kap il-ġdid semma l-aktar ingredjent essenzjali biex il-PN jibqa’ xprunat ‘il quddiem. Il-PN, filwaqt li għandu jkompli jaħdem skont il-valuri bażiċi tal-istess Partit, għandu jkun innovattiv, ferm aktar rilevanti għas-soċjetà tal-lum u allura jeħtieġ li jkompli jiġġedded.”