Internazzjonali

It-Turkija tirrifjuta allegat kumplott dwar dissidenti

It-Turkija fissret bħala ‘redikoli’ rapporti li Michael Flynn — eks-konsulent dwar is-sigurtà nazzjonali għall-President Amerikan, Donald Trump —  kien parti minn kumplott biex reliġjuż Musulman dissidenti jittieħed bil-forza mill-Istati Uniti lejn it-Turkija. Dan skont pjan fejn l-istess Flynn kellu jitħallas ‘miljuni ta’ dollari’.

L-Ambaxxata Torka fl-Istati Uniti qalet li l-allegazzjonijiet huma kompletament ‘foloz u bla bażi’. Il-kumment ingħata wara li l-eks-direttur tas-CIA Amerikana, James Woolsey, żvela allegat pjan biex id-dissidenti, Fethullah Gulen, ‘ikun ittrasferit mill-Istati Uniti lejn it-Turkija f’Marzu.

It-Turkija takkuża lil Gulen bħala l-moħħ wara l-kolp ta’ stat fallut tal-2016 kontra t-tmexxija tal-President Tork, Recep Tayyip Erdogan. Intant, Erdogan kemm il-darba sejjaħ biex Gulen, li hu residenti f’Pennsylvania, ikun estradit lejn it-Turkija.

L-Ambaxxata Torka f’Washington, issa, qalet li l-poplu Tork għadu jistenna l-estradizzjoni ta’ Gulen ‘għal proċess tal-qorti fit-Turkija’. Iżda, fl-istess ħin hi ċaħdet l-allegazzjonijiet li t-Turkija lesta tuża l-mezzi illegali biex tieħu lura lir-reliġjuż.