Lokali

Disinn fuq munita minn tifla Għawdxija huwa dak rebbieħ b’risq il-MCCF

Is-simboli tal-paċi u s-solidarjetà ġew riprodotti minn tifla Għawdxija fid-disinn rebbieħ għall-munita ta’ żewġ ewro li l-Bank Ċentrali se joħroġ b’risq il-Malta Community Chest Fund.

L-istudenta Għawdxija Katya Muscat li għandha 12-il sena ppreżentat id-disinn rebbieħ f’din il-kompetizzjoni ‘Mit-Tfal b’Solidarjetà’ li ġiet organizzata mill-Bank Ċentrali f’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Community Chest Fund Foundation.

Katya Muscat, li tattendi fl-iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof f’Għawdex, kienet l-iżgħar parteċipanta li bagħtet d-disinn tagħha f’din il-kompetizzjoni. Id-disinn juri żewġt itfal żgħar iżommu l-bandiera Maltija bil-ħamiema tal-paċi ttir fuqhom. Il-munita ġiet imnaqqxa minn Noel Galea Bason li addatta d-disinn għall-istampar tal-muniti filwaqt li baqa’ leali lejn il-kwalitajiet tax-xogħol artistiku li sar minn id żgħira.

Dawn il-muniti kommemorattivi ser joħorġu f’verżjoni għaċ-ċirkolazzjoni fi stoċċijiet ta’ 25 munita kull wieħed, kif ukoll f’coin cards. Il-muniti fil-cards, li minnhom ser isiru biss 30,000, ser juru marka taz-zekka tal-Monnaie de Paris, fejn inħadmu l-muniti.

Il-prezz ta’ stoċċ ta’ 25 munita huwa €70, filwaqt li dak ta’ coin card huwa €7. Il-qligħ mill-bejgħ tal-coin cards ser imur b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation.