Dalgħodu hekk kif għalliem daħal għal ġurnata xogħol fl-iskola tal-Verdala f’Bormla ġie aggredit.
Jirriżulta li l-persuna li aggrediet lill-għalliem hu sieħeb ta’ omm wieħed mill-istudenti tal-iskola. Dak il-ħin tal-agressjoni l-għalliem kien qed jiffirma r-reġistru tal-attendenza. L-għalliem sofra minn ġrieħi ħfief.
Dan il-każ ġab il-kundanna tal-Union tal-għalliema, l-MUT li qalet li dan hu aġir inaċċettabli u hu sintomatiku tas-sitwazzjoni li qed jaffaċċjaw l-edukaturi fil-qadi ta’ dmirijiethom. L-MUT saħqet li minflok ma jkunu megħjuna sabiex jindirizzaw id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum, l-edukaturi qed iġarrbu sitwazzjonijiet fejn xi ġenituri ma jikkoperawx u minflok ma jgħinuhom sabiex uliedhom jaħdmu fuq in-nuqqasijiet, iwaħħlu fl-iskola u l-edukaturi għall-istess nuqqasijiet.
L-MUT tenniet l-appell għal miżuri ta’ sigurtà fl-iskejjel u qegħda taħdem fil-qrib mal-edukaturi fl-iskola imsemmija f’dan il-każ sabiex tingħata l-għajnuna kollha meħtieġa. Dan filwaqt li kkomunikat mal-Ministeru sabiex jittieħdu l-passi kollha neċessarji.

Anke s-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Therese Comodini Cachia f’kumment fuq facebook sostniet li quddiem dan il-każ aktar minn qatt qabel għandu jkun hemm tolleranza zero għal kull forma ta’ agressjoni fil-konfront tal-għalliema.
Therese Comodini Cachia sostniet wkoll li dan il-każ issa jrid jiġi indirizzat imma fl-istess ħin irridu naraw li l-għalliema jistgħu jaħdmu f’ambjent sigur, għalhekk ma jistax jinħela aktar ħin.
Anke l-Ministeru tal-Edukazzjoni ddeplora dawn l-atti vjolenti u talab lill-awtoritajiet biex jieħdu l-passi kollha possibbli fil-liġi fil-konfront tal-individwu li agredixxa lill-għalliema.
Il-każ kien żvelat mill-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Justin Schembri fuq facebook, li wkoll ikkundanna mmedjatament dan l-attakk fuq għalliem.



