Lokali

Ħatra politika oħra mill-Gvern fl-Isptar Monte Karmeli

L-isptar Monte Karmeli fl-aħħar snin spiċċa fi stat ħażin ħafna

Il-Gvern Laburista qed jippjana biex jagħmel ħatra politika oħra – din id-darba fil-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Isptar Monte Karmeli.

Net News kiseb informazzjoni li l-Gvern avviċina lis-Sindku Laburista ta’ Santa Venera Stephen Sultana biex jiġi maħtur bħala Kap Eżekuttiv tal-isptar Monte Karmeli. L-istess Stephen Sultana mhux biss hu s-Sindku Laburista fil-preżent, iżda kien ukoll kandidat għall-elezzjoni ġenerali tal-2013 mal-Partit Laburista fuq l-ewwel distrett.

Apparti minn hekk, Stephen Sultana m’għandu l-ebda rabta mal-qasam tas-saħħa – tant illi fil-preżent hu jaħdem fi grad maniġerjali ma’ bank kummerċjali.

F’dawn l-aħħar jiem, l-isptar Monte Karmeli ġibed l-attenzjoni tal-media – dan hekk kif pazjent miet wara li ġie infettat bil-leġjonella aktarx mill-ilma tal-isptar, dan filwaqt li ġew żvelati wkoll ritratti li juru l-istat diżastruż li jinsabu s-swali tal-pazjenti, bil-pazjenti qed jghixu f’periklu kbir. Il-ġimgħa li għaddiet, l-infermiera fl-isptar Monte Karmeli taw ultimatum lill-Gvern u lill-awtoritajiet tas-saħħa minħabba s-sitwazzjoni diżastruża u perikoluża f’dan l-isptar. L-isptar ilu xhur twal fi stat mitluq, iżda l-periklu u l-abbandun ħareġ aktar fil-beraħ il-ġimgħa li għaddiet meta ċeda saqaf fl-isptar.

Issa jidher li l-Gvern Laburista se jipprova jagħmel mossa biex jappunta Kap Eżekuttiv ġdid ta’ dan l-isptar Monte Karmeli. Net News hu infurmat ukoll li s’issa għadu ma ġiex iffirmat il-kuntratt ta’ impjieg ta’ Stephen Sultana bħala Kap Eżekuttiv.

Stephen Sultana ilu attiv għal snin twal fi ħdan il-Partit Laburista, fejn okkupa l-kariga ta’ Segretarju Finanzjarju fl-Eżekuttiv tal-Forum Żgħażagħ Laburisti, għamel sitt snin konsekuttivi fil-kariga ta’ President u tlettax-il sena bħala Segretarju tal-Kumitat Lokali Laburista ta’ Santa Venera. Illum il-ġurnata, Stephen Sultana hu Delegat tal-Partit Laburista, membru fl-Eżekuttiv tas-Sezzjoni tal-Kunsilliera tal-Partit Laburista, u Sindku tal-lokalita’ ta’ Santa Venera.