Lokali Parlament

Il-Gvern obbligat li jsolvi l-problema li ħoloq għar-reputazzjoni ta’ Malta

– David Stellini, PN

Id-deputat Nazzjonalista David Stellini qal li l-gvern għandu l-obbligu li jirrikonoxxi li bl-iskandli ħoloq problema għar-reputazzjoni ta’ Malta u għandu jieħu l-passi immedjati biex isolviha billi jwettaq diversi miżuri.

F’diskors fil-parlament fid-dibattitu dwar is-servizzi finanzjarji David Stellini tkellem dwar l-importanza tal-konsensus fuq is-servizzi finanzjarji għaliex dan jmamonta għal 12% tal-ġid li joħloq il-poplu Malta. L-Oppożizzjoni dejjem kienet favur dan il-kunsens iżda biex wieħed ikun leali lejn il-parlament, li l-politiċi huma fid-dover li jgħidu l-affarijiet kif inhuma.

Ir-reputazzjoni ta’ Malta hi importanti mhux biss għal Malta iżda għaliex l-ekonomija Maltija hi miftuħa għal swieq Ewropej. Jeħtieġ li l-gvern ikun onest, jgħaraf il-problema u jammetti li jrid isolviha.M’hemmx bżonn li tkun l-UE li tgħid lil Malta x’għandha tagħmel.

Hu staqsa kif Pilatus Bank ingħata liċenzja biex jopera; liema liċenjza hi rari, kif isiru biss ftit investigazzjonijiet konġunti ma’ pajjiżi oħra, kif ftit isir ikkonfiskar ta’ beni ta’ kriminali u kien hemm n-nuqqas ta’ investigazzjonijiet u penalitajiet mill-FIAU. Dan meta hemm eluf ta’ operaturi b’liċenzja.

Hu qal li l-FIAU u l-MFSA għandhom ir-rwol li jaraw li f’Malta ma jidħlu maħmuġin iżda l-messaġġ li qed jingħaddu fuq Malta hu negattiv. Il-politiċi għandhom jgħidu l-verità lokalment dwar din is-sitwazzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-awtoritajiet għandhom iktar nies imħarrġin u għalhekk m’hemmx bżonn li l-Kumitat PANA jispeċifika li dawn l-istituzzjonijiet jingħataw iktar għodda biex jaħdmu.

Hu sostna li filwaqt li ċ-ċittadini Maltin ikunu mistoqsija l-mistoqsijiet kollha meta jiġbdu €5,000 mill-banek, il-Kap Eżekuttiv tal-Pilatus Bank tħalla joħroġ d-dokumenti mill-Pilatus Bank bla ma kien investigat.

David Stellini kompla li ex Kummissarju tal-Pulizija u d-Direttur Ġenerali tal-FIAU rriżenjaw ftit wara li kienu żvelati rapporti tal-FIAU li jispeċifikaw dettalji dwar Keith Schembri. Il-fatti li l-Prim Ministru reġa’ għamel lil Keith Schembri ministru u reġa’ appunta lil Keith Schembri bħala Chief of Staff tiegħu f’Kastilja tappnu r-reputazzjoni ta’ Malta fl-UE.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-media internazzjonali qed tippubblika rapporti b’dettalji dwar kriminalità f’Malta fosthom li f’Malta qed topera l-Mafia. Il-gvern irid jaċċetta li għandu problema u għandu jsolviha billi jkun hemm iktar traspanza għaliex se jkun diffiċli għal Malta li tiddefendi l-pożizzjoni tagħha dwar it-tassazzjoni quddiem l-iskandli tal-korruzzjoni.

David Stellini ppropona li l-uffiċjali tal-entitajiet tas-servizzi finanzjarji jiddikjaraw l-interessi finanzjarji tagħhom u li dawn għandhom jintbagħtu lill-operaturi tas-settur, li r-rapporti tal-FIAU li ħarġu dwar Brian Tonna u Ketih Schembri jkunu investigati u li l-MFSA tieħu passi kontra l-banek li jħaddmux ir-regoli. Dan filwaqt li tissaħħaħ l-FIAU.

Il-pulizija qatt ma addattaw għas-sistema kontinetali tal-UE u jimxi iktar fuq is-sistema tar-Renju Unit, sostna David Stellini, li kompla li l-pulizija għandhom bżonn ristutturar biex jiffaċċjaw l-isfidi.