Lokali

Il-Gvern se jibda jfassal il-liġi biex il-kannabis tibda tintuża għal skop ta’ mediċina

Il-Kabinett qabel biex issir liġi ġdida biex l-aċċess għall-kannabis bħala mediċina jiġi legalizzat. Jiġifieri l-gvern se jfassal il-liġi biex il-ħaxixa tibda tintuża għal skop ta’ mediċina.

Dan ħareġ mid-diskors tal-Ħadd li għamel il-mexxej Laburista Joseph Muscat. Diskors li matulu qal li jrid jara lil Malta ssir iċ-ċentru tal-produzzjoni għal mediċina mill-kannabis.

Huma varji l-opinjonijiet u t-tħassib dwar din it-tip ta’ liġi. Hemm min qed jargumenta li jekk il-kannabis tibda tintuża għal skop ta’ mediċina , min ikun għaddej minn uġigħ minħabba mard, dan l-uġigħ ikun jista jittaffa. Naturalment id-doża trid tkun preskritta mit-tabib jew konsulent li taħtu jaqa’ l-pazjent. Hemm imbgħad min qed jargumenta li l-kannabis jekk tittieħed għal tul ta’ żmien jista’ jkollha effetti negattivi fuq il-bniedem. Dan minbarra li min jaħdem fost dawk li qed jippruvaw joħroġu mill-vizzju tad-droga wkoll ma jaqblux li f’pajjiżna jkollna din it-tip ta’ liġi. Hemm imbgħad min hu favur din il-liġi imma qed jenfasizza li jrid ikollha qafas sod biex tkun ċara u ma jkunx hemm abbużi.

Matul id-diskors tiegħu tal-Ħadd il-Prim Ministru qal li la darba tgħaddi l-liġi l-pazjenti ma jkollhomx bżonn imorru għand speċjalist biex itijhom riċetta għall-mediċina mill-kannabis, imma jkollhom bżonn biss riċetta mingħand tabib.