Lokali Parlament

Il-Ministru tal-Edukazzjoni jaħrab kull mistoqsija dwar l-AUM…il-Gvern jibdel il-verżjoni dwar in-numru ta’ studenti

F'Mejju 2015 il-Prim Ministru qal li l-AUM se tibda b'1000 student; illum il-Ministru Bartolo jsostni li jaqbel ma' università li tibda bi ftit studenti....l-AUM bi 15-il student biss!

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo llejla ma weġibx b’mod konkret meta kien iffaċċjat b’numru ta’ mistqosijiet dwar l-Univeristà Amerikana f’Malta (AUM) u s-sitwazzjoni preżenti.

Fil-parlament llejla diversi deputati Nazzjonalisti inkluż il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, staqsew lill-Ministru Bartolo dwar is-sitwazzjoni preżenti wara diversi rapporti li l-AUM mhix tilħaq in-numru ta’ studenti li kienu mwegħda skont il-pjan oriġinali u din għandha biss 15-il student.

Għal mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, il-Ministru Bartolo qal li l-AUM hu investiment privat u għlahkek hu jista jwieġeb biss għal dak relatat dwar l-obbligi li l-AUM għandha biex topera f’Malta. Dwar dak li ntqal li hemm ftit studenti, l-Ministru Bartolo qal li jippreferi entitajiet li jibdew bi ftit studenti u jibnu fuq dan. Entità fis-settur terzarju mhix entità f’garaxx, sostna l-Ministru Bartolo, li qal li hu jkun xettiku meta jkun hemm entitajiet li jiġu u jidbew b’ammonti kbar ta’ studenti.

Hu qal li jippreferi li l-AUM tibda bi ftit studenti. L-obbligi kollha li l-AUM għandha qed ikunu segwiti biex jekk dan ma jseħħx, il-Gvern jiġbed l-attenzjoni. Il-persuna li qed tmexxi l-entità hi serja waqt li l-għalliema kienu skrutinati mill-Kummissjoni Edukazzjoni Ogħla.

Id-deputat Nazzjonalista Herman Schavone qal li l-gvern kien ħabbar li l-AUM se tibda b’1,000 sal-ewwel sena u jkollha 4,000 iktar tard iżda dan mhux iseħħ.

Il-Ministru Bartolo ma weġibx dwar in-numru ta’ studenti minħabba li ma kellux il-file quddiemu u appella lid-deputat Nazzjonlaista Herman Schiavone biex jagħmillu mistoqsijiet bil-miktub dwar in-numru ta’ studenti u għalliema.

Il-Viċi-Kap tal-PN Beppe Fenech Adami staqsa jekk tkeċċewx għalliema mill-AUM u jekk bdewx lectures. Fil-5 ta’ Mejju 2015 l-Prim Ministru kien ħabbar li se jintefqu €115-il miljun u li bl-ewwel 1,000 student fl-ewwel sena.

Il-Ministru Bartolo qal li jaf b’każ wieħed ta’ persuna li kellha l-impjieg terminat iżda seħħ minħabba l-aspett umanitarju.

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus staqsa jekk għadx hemm il-ħsieb li jinbena l-kumpless ta’
Żonqor Point iżda l-Ministru Bartolo qal li din ma taqax fid-dekasteru tiegħu. Il-Ministru qal li mhux f’pożizzjoni li jgħid fejn qed jingħataw il-lezzjonijiet għax dawn l-affarijiet ma jkunx jafhom.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia staqsa dwar ir-responsabbiltajiet tal-operatur bil-Ministru Bartolo jsostni li l-liċenzja li ngħatat mhix għall-bejgħ u hemm proċess li jrid jitwettaq. Adrian Delia staqsa xi tkun il-pożizzjoni tal-Gvern jekk jirriżulta li jkun hemm ksur fil-kundizzjonijiet u jekk l-gvern hux qed iħares lejn entitajiet edukattivi oħra biex Malta tkun proġettata bħala destinazzjoni għall-istudji edukattivi.

Il-Ministru Bratolo qal li għaddej ħafna xogħol barra minn Malta għaliex hemm entitjaiet prestiġġjużi li jiġri x’jiġri bi Brexit, jixtiequ jibqgħu fl-UE. Hemm entitajiet li jridu joperaw minn Malta iżda hemm problemi dwar kif tiżviluppa l-faċilitajiet.

Il-Ministru Bartolo qal li fil-proċess tal-analiżi tal-applikazzjoni tal-AUM u l-livelli qawwija mitluba, l-AUM indunat li kien aħjar li jibda fi ftit studenti. Dwat ix-xogħlijiet li saru fl-AUM f’Baċir Numru 1, il-Ministru ma weġibx u qal li din għandha ssir lill-ministru konċernat.

Tags