Internazzjonali

Imfakkra l-attakki ta’ Pariġi

Fi Franza, ilbieraħ saru ċ-ċerimonji biex jitfakkru l-130 persuna li kienu nqatlu fl-attakk terroristiku tal-ISIS fl-2015, li fih it-terroristi nfirxu fil-qalba ta’ Pariġi u fetħu n-nar fuq in-nies.
Iċ-ċerimonja ewlenija kienet dik li għaliha attenda l-President Franċiż, Emmanuel Macron quddiem il-Bataclan, fejn inqatlu l-akbar ammont ta’ nies. Macron u diversi nies li salvaw mill-attakki ta’ dakinhar, marru fil-postijiet fejn inqatlu l-vittmi biex iħallu l-kuruni. L-ewwel ċerimonja saret fl-Istade de France, fejn tliet terroristi splodew lilhom infushom fil-ħin li kienu qed jippruvaw jidħlu ġewwa waqt logħba bejn Franza u l-Ġermanja. Ġewwa jara l-logħoba kien hemm dak li dak iż-żmien kien il-President, François Hollande.
Salah Abdeslam, l-uniku terrorista li nqabad, qed jinżamm f’iżolament; imma huwa ma kkooperax mal-awtoritajiet. Hu mifhum li Abdeslam ħa ħsieb il-loġistika tal-grupp li attakka stadium, xi ħwienet tal-kafè u nightclub.
Il-media Franċiża qalet li s-sitt darbiet li tressaq quddiem l-Imħallfin, huwa tkellem darba waħda biex igħid li jirriżerva d-dritt li ma jitkellimx.