Futbol Sport

L-Italja ma tikkwalifikax għat-Tazza tad-Dinja

Buffon jitlef l-aħħar ċans biex jilgħab fit-Tazza tad-Dinja

L-Italja mhux se tikkompeti fit-Tazza tad-Dinja li se ssir f’Ġunju li ġej fir-Russja. Dan wara li llejla, fit-tieni leg tal-playoffs ġiet miżmuma fi draw ta’ 0-0 f’San Siro kontra l-Iżvezja.

Dawn tal-aħħar, jiem qabel kienu rebħu l-ewwel leg 1-0 u b’hekk draw ta’ mingħajr gowls kien biżżejjed għalihom biex jgħaddu għall-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja.

Għall-Italja din hi l-ewwel darba sa mill-1958 li mhux se jkunu qed jieħdu sehem fit-Tazza tad-Dinja filwaqt li l-aħħar darba li l-Iżvezja kienu għaddew għat-Tazza tad-Dinja kien fl-2006.

Bla dubju dan hu riżultat diżastruż għall-Italja li qatt ma mpressjonat kemm fuq iż-żewġ legs kif ukoll fil-grupp rispettiv tagħha li kien mirbuħ minn Spanja.

Ta’ min jinnota li din kienet l-ewwel darba minn erba’ darbiet li l-Iżvezja ma tilfux f’San Siro.
Wieħed issa jrid jara jekk il-kowċ tal-Italja Gian Piero Ventura hux se jitkeċċa mill-kariga. Hu beda jmexxi lill-Italja fis-sajf tal-2016 meta dakinhar kien ħa post Antonio Conte li kien għadu kemm mexxa l-Italja fl-Euro 2016.

Wieħed irid jara wkoll jekk il-President tal-Federazzjoni Taljana (FIGC) Carlo Tavecchio hux se jibqa’ fil-kariga li ilu jokkupa sa minn ftit xhur wara li l-Italja kienet eliminata mit-Tazza tad-Dinja tal-2014.

Bejn wieħed u ieħor l-eliminazzjoni mit-Tazza tad-Dinja se jiġi jiswa’ lill-Federazzjoni Taljana madwar 50 miljun ewro.

Fl-ewwel taqsima t-Taljani għamlu minn kollox biex jiftħu l-iskor u tal-anqas jimmiraw li jisfurzaw il-ħin barrani. Wara tmien minuti huma pprotestaw għal penalty meta Parolo deher li twaqqa’ fil-kaxxa minn Augsustinsson imma r-referee ordna li l-logħob jibqa’ għaddej.

Minuti wara l-Iżvediżi wkoll ipprotestaw għal penalty meta l-ballun deher jolqot id Darmian fil-kaxxa.
L-attakkant ta’ Lazio Immobile kellu l-ewwel ċans tiegħu hekk kif irċieva mingħand Jorginho imma x-xutt tiegħu minn pożizzjoni angolata spiċċa barra.

Wara kien il-midfielder ta’ Inter Candreva li ra x-xutt tiegħu jmur barra wara li dan irċieva wkoll mingħand Jorginho.

L-akbar ċans tal-Italja fl-ewwel taqsima wasal meta Jorginho reġa’ sab lil Immobile li għadda l-ballun minn bejn saqajn il-gowlkiper Olsen imma Granqvist laħaq ikklirja l-ballun minn fuq il-linja.
Sekondi qabel tmiem l-ewwel taqsima Olsen għamel save mill-aqwa fuq Florenzi.

Hekk kif bdiet it-tieni taqsima l-Italja komplew jippressaw u fit-53 minuta kellhom ċans tad-deheb meta Darmian tefa’ cross li sab lill-istess Florenzi li ra l-volley mill-aqwa tiegħu jgħaddi ftit barra. 10 minuti wara kien Immobile li spara xutt mal-ewwel li mar barra.

Tliet minuti wara l-Italja komplew ikunu sfortunati meta Lustig mar jikklirja cross perikoluż ta’ Florenzi u l-ballun ħabat mal-lasta u baqa’ sejjer f’corner.

Minn hawn ‘il quddiem il-plejers Taljani donnhom qatgħu qalbhom u naqqsu fif-ritmu u kien aktar faċli għall-avversarji tagħhom biex jiddefendu sat-tmiem.

Ta’ min jinnota li filwaqt li l-Italja ma għaddietx għat-Tazza tad-Dinja, l-gowlkiper Gianluigi Buffon ġie mċaħħad minn rekord. Li kieku l-Italja għaddiet Buffon kien se jkun l-ewwel plejer fl-istorja li jkun lagħab f’sitt edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja.