Lokali Parlament

Malta ma tistax tkompli tkisser ir-reputazzjoni internazzjonali fis-servizzi finanzjarji

– Kristy Debono, PN

Id-deputat Nazzjonalista Kristy Debono appellat lill-Gvern biex jassigura li r-reputazzjoni ta’ Malta ma tkomplix titkisser u li s-serizzi finanzjarji ma jkunux effettwati b’mod negattiv minn dak li qed iseħħ fil-pajjiż. Il-Gvern għandu r-responsabbiltà li dan ma jsirx.

Meta kienet qed titkellem fil-parlament fid-dibattitu dwar il-liġi dwar is-servizzi finanzjarji Kristy Debono tkellmet dwar l-importanza li l-pajjiż ikollu viżjoni moderna fis-settur finanzjarju biex il-pajjiż jikkumbatti kull sfida.

Il-pajjiż għandu opportunitajiet ġodda u anki s-settur edukattvi għandu jimxi f’din id-direzzjoni. Għalhekk it-teknolġija diġitali finanzjarja għandha tkun ipprovduta lill-ġenerazzjonijiet futuri biex il-ħaddiema tal-futur ikollhom dawn l-opportunitajiet. Dan hu l-futur tal-pajjiż, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li spjegat kif is-suċċess finanzjarju hu katina.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li hu pożittiv li l-Kumitat PANA ikkonferma li Malta mhix tax heaven iżda r-realtà hi li hemm diffikultà biex Malta tikkonvinċi li hi pajjiż nadif u serju u li mhix pajjiż korrott u li fih isir il-ħasil tal-flus mill-kriminalità. Il-professjonisti qed isibuha diffiċli jbigħu lil Malta bħala pajjiż sigur u nadif. Il-Gvern għandu jindirizza din il-problema u għandha ssir konferenza nazzjonali li tlaqqa’ lill-partijiet kollha biex dan is-settur mhux jiddiversifika.

Jeħtieġ isiru l-bidliet neċessarji fl-MFSA fuq din terġa’ issir ir-reoglatur kredibbili ta’ dan is-settur. Hi appellat biex il-persuni li jmexxu l-entitajiet fis-settur ikunu maħtura bi qbil u biex l-FIAU titħalla tkun il-watchdog ta’ dan is-settur. L-istituzzjonijiet iddgħajfu u huma bla saħħa waqt li l-poplu tilef il-fiduċja fihom. Il-barranin m’għadhomx iħarsu lejn il-pajjiż bl-istess mod kif iħares lejh ftit snin ilu.

Dan qed joħloq diffikultajiet biex Malta tkompli tattira l-investiment. Jeħtieġ li ssir konsultazzjoni sħiħa f’diversi istituzzjoni rilevanti għaliex is-settur finanzjarju u l-igaming ikunu l-aktar li jbatu meta jkun hemm konswegwenzi fuq il-pajjiż, sostniet Kristy Debono.