Lokali

Melita tħabbar it-tnedija tas-servizz ta’ internet b’veloċita’ ta’ 1 Gigabit fis-sekonda

Il-Kumpanija Melita ħabbret il-bidu ta’ gigapower internet għad-djar u negozji. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Melita Harald Roesch qal li Melita hija kburija li tinsab fost l-ewwel Internet Service Providers li jipprovdi servizz ta’ internet b’1 Gigabit – l-ewkwivalent ta’ elf megabit –fis-sekonda .

F’kumment ma’ Net News, il-Kap Eżekuttiv ta’ Melita spjega l-importanza ta’ dan is-servizz hekk kif l-infrastruttura tal-komunikazzjoni, b’mod partikolari l-aċċess għall-internet, hu t-tielet l-iktar fattur importanti li jattira investituri lejn Malta. Dan skont l-aħħar stħarriġ ta’ Ernst and Young dwar il-kompetittivita’ u l-attrazzjoni ta’ Malta.

Is-servizz ta’ internet b’veliċita’ ta’ gigabit fis-sekonda hu disponibbli mill-lum f’San Ġiljan, Tas-Sliema u l-Belt Valletta għall-prezz ta’ €25 fix-xahar miżjud mal-flexi bundle fid-djar.

Eventwalment, is-servizz mistenni jinfirex għal madwar Malta u Għawdex. Mistoqsi dwar meta jaħseb li l-programm ikun komplut, il-Kap Ezekuttiv qal li hu diffiċli li wieħed jagħti dati preċiżi. Dan għaliex ħafna jiddependi mill-merger propost bejn Melita u Vodafone Malta. Jekk din l-għaqda tingħata l-barka tar-regolatur, allura, l-investiment kapitali isir b’rata iktar mgħaġġla.