Internazzjonali

Suldat ta’ Pyongyang jaqsam il-fruntiera lejn il-Korea t’Isfel

Il-parti tal-Korea ta' Fuq f' Panmunjom

Suldat tal-Korea ta’ Fuq irnexxielu jaqsam il-fruntiera lejn il-Korea t’Isfel taħt xita ta’ nar.
Fil-ħarba tiegħu huwa spiċċa midrub mis-suldati tal-Korea ta’ Fuq, imma xorta qasam id-Demilitarised Zone (DMZ) f’dik magħrufa bħala l-Joint Security Area fir-raħal ta’ Panmunjom. Hekk kif spiċċa fuq in-naħa tal-Korea t’Isfel, hu fil-pront ingħata l-ewwel għajnuna u ttieħed l-isptar.
Id-DMZ hi waħda miz-zoni l-aktar mgħassa fid-dinja. Tajjeb wieħed igħid li dan hu biss ir-raba’ każ ta’ suldat ta’ Pyongyang li qasam mid-DMZ f’dawn l-aħħar tliet snin.
Il-parti ta’ Panmunjom hi l-unika parti tal-fruntiera fejn is-suldati taż-żewġ Korej jiġu faċċata ta’ xulxin.
Skont stqarrija mill-militar tal-Korea t’Isfel, is-suldat indarab fi spalltu u f’idu.