Lokali Qorti

Tibda l-kumpilazzjoni kontra r-raġel li qafel lil martu f’kamra taħt l-art

Nathalie Williams kienet sfurzata li jkollha x’taqsam sesswalment ma’ żewġha mill-inqas f’erba’ okkażjonijiet differenti fiż-żmien li kienet maqfula f’kamra taħt l-art fil-limiti tal-Kalkara.

Dan ħareġ fix-xhieda mogħtija waqt il-kumpilazzjoni fil-każ kontra Roddy Williams. Ir-raġel imwieled fis-Seychelles jinsab akkużat quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit bl-istupru u l-attentat ta’ qtil ta’ martu Nathalie ta’ 46 sena meta allegatament żammha maqfula f’kamra taħt l-art mingħajr ikel u xorb.

L-omm ta’ żewġt itfal kienet instabet f’din il-kamra taħt l-art tliet ijiem wara li kienet irrappurtata nieqsa mill-qraba tagħha. Fix-xhieda tiegħu, l-espert imqabbad mill-Qorti Richard Sladden – li kien inkarigat jiġbor stqarrija minn Nathalie Williams kif ukoll żar il-post fejn kienet miżmuma — spjega li Williams xtaqet tibdel xi partijiet mill-istorja tagħha.

Sladden xehed li hi qalet li biddlet il-versjoni tagħha għaliex kienet qed tibża mir-raġel tagħha u qatt ma kellha problemi mal-liġi qabel. Hu kompla li oriġinarjament kienet qalet li kienet maħtufa, sussegwentement, Nathalie Williams qalet li hi kienet daħlet minn jeddha fil-karozza mal-akkużat.

L-Avukat Franco Debono staqsa għaliex, jekk kienet daqshekk beżgħana minn żewġha, ivvintat storja li hu heddidha biex tidħol fil-karozza.

Il-Qorti semgħet ukoll li f’okkażjoni waħda, hi kienet irrifjutat l-avvanzi sesswali ta’ Roddy Williams iżda eventwalment kienet ċediet f’okkażjonijiet sussegwenti sakemm kienet maqfula. Richard Sladden kompla li l-akkużat ma pprovdiex ikel u xorb lill-vittma u kien ħadilha t-telefon ċellulari.

Xehdet ukoll il-ġinekologa Joanna Ghigo li eżaminat lil Williams għal evidenza li kien hemm stupru. Hi qalet li l-vittma kienet mhedda minn Roddy Williams li kien se joqtol lil missierha u lit-tfal jekk ma tobdiehx. “Hi rrifjutat li jkollha x’taqsam sesswalment u kienet mhedda. Hu insista u qallha li hi kienet għadha martu u taf x’kien jiġrilha. F’dak il-punt, ma offrietx iktar reżistenza,” qalet it-tabib Ghigo.

Sar eżami mediku fuq il-mara u ma nstabux marki jew tbenġil li setgħu jindikaw penetrazzjoni sfurzata. Madanakollu, il-ġinekologa qalet li fil-każ ta’ mara tal-eta tagħha li welldet darbtejn b’mod naturali, ikun diffiċli ħafna li tkun ċerta li kien hemm penetrazzjoni sfurzata ħlief f’każi fejn ikun hemm trawma ovvju.

Waqt il-kontroeżami mid-difiża, it-tabib Ghigo insistiet li l-pazjenta qaltilha li ċediet għall-att sesswali minħabba biża.

Xehed ukoll il-perit Mario Cassar li għamel aċċess fuq il-post. Hu rrimarka dwar kif il-post hu dlam ċappa u kien hemm nuqqas ta’ arja. “Il-post fejn kien miżmuma ifakkrek f’qabar Puniku,” tenna l-perit Cassar.