Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici llejla baqa’ sieket u ma weġibx mistoqsijiet diretti tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li staqsa jekk il-Gvern hux se jieħu passi immedjati u konkreti quddiem ir-rakkomandazzjonijiet
Għall-mistoqsijiet parlamentari tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia dwar ir-reazzjoni tal-Gvern quddiem id-dibattitu tal-lum fil-parlament Ewropew, il-Ministru Owen Bonnici qal biss li hu kien dispjaċut li jara Maltin bħalu li fil-Parlament Ewropew għamlu sħara lill-pajjiż.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ikkwota d-dikjarazzjonijiet tal-Grupp tas-Soċjalisti dwar it-tħassib ġenwin tagħhom li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ġab fost il-membri tiegħu, dwar l-involviment ta’ poltiċi Maltin fil-Panam Papers u dwar il-mod kif il-Kumitat PANA stieden lill-Gvern Malti biex jieħu l-azzjonijiet meħtieġa. Adrian Delia staqsa lill-Ministru Bonnici jekk hux qed jagħmel tiegħu r-riżoluzzjoni tas-Soċjalisti Ewropej.
Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici qal li fil-Parlament Ewropew tkellmu l-istituzzjonijiet kollha fejn il-Kunsill tal-Ministri faħħru l-impenn ta’ Malta biex jinstab l-qattiel ta’ Daphne Caruana Galizia waqt li l-Viċi-President Timmermans qal li meta ltaqa’ mal-gvern hu fehem is-sentiment li jrid li ssir ġustizzja. Kien hemm ukoll membri tal-Parlament Ewropew mid-diversi gruppi li magħhom ma jaqbilx għax ma jaqbilx ukoll li nies Maltin imroru fil-Parlament Ewropew u jingħaqdu ma deputati oħra biex jikkritikaw lis-settur Malti tas-servizzi finanzjarji.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-MEPs tal-PN qed jinsistu li r-regoli jkunu segwiti u li l-ħsara ssir minn min iwettaq l-iskandli. Hu staqsa x’qed jagħmel il-Gvern dwar il-konklużjonijiet tal-Kumitat PANA dwar il-proċess tal-għoti tal-liċenzja lill-Bank Pilatus, dwar l-allegazzjonijiet serji ta’ ħasil ta’ flus li ma ġewx investigati u li ma saret ebda investigazzjoni dwar il-Panama Papers fejn kien innotat li wħud mill-persuni msemmija fir-rapport tal-FIAU għadhom membri tal-Gvern. Hu l-Gvern li mhux jagħmel sewwa mhux l-Oppożizzjoni, sostna Adrian Delia.
Wara li kien wissa’ li kien inqabeż il-ħin tal-mistoqsija, f’dan l-istadju l-Ispeaker tefa’ l-mikrofonu tal-Kap tal-Oppożizzjoni bil-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius joġġezzjona għal dan.
Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici qal li fil-pajjiż hawn fiduċja fl-istituzzjonijiet u kkritika lill-Kap tal-Oppożizzjoni dwar allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sostna li hu qed jisfida lill-awtoritajiet biex jagħmlu l-investigazzjonijiet dwar dawn l-allegazzjonijiet.
Il-Ministru tal-Ġustizzja qal li fil-pajjiż mhux il-politiku jinvestiga u l-Kap tal-Oppożizzjoni jista’ jmur għand il-Maġistrat Inkwerenti kif għamel il-Prim Ministru biex isiru l-investigazzjonijiet.
Għal din ir-rimarka, l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Dleia qal li l-kummenti tal-Ministru tal-Ġutsizzja jikkonfermaw kemm is-sitwazzjoni hi waħda li fiha ma jsirux ll-investigazzjonijiet tal-Pulizija iżda li kulħadd irid imur minn rajh.
//= $special ?>