Internazzjonali

Il-Panama Papers: Mandat ta’ arrest għall-Ministru tal-Finanzi tal-Pakistan  

 

Qorti għal kontra l-korruzzjoni fil-Pakistan  ħarġet mandat ta’ arrest għall-Ministru tal-Finanzi Pakistani, Ishaq Dar. Dan wara li l-politiku veteran naqas milli jattendi għal diversi smigħ fil-qorti.

Il-mandat tressaq fi żmien skomdu għall-Pakistan li jrid jattira lill-investituri internazzjonali minbarra li jiġġenera ’il fuq minn $1 biljun fis-swieq tad-dejn internazzjonali.

Ishaq Dar, li hu akkużat li akkumula ġid mhux kompatibbli mas-sorsi tad-dħul tiegħu, naqas milli jattendi s-smigħ fil-qorti għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat. Is-smigħ qed jitmexxu minn aġenzija li tipproċessa każi tal-korruzzjoni, bl-Imħallef li qed imexxi l-każ, issa, jiddeċiedi biex joħroġ mandat ta’ arrest li ma jippermettix ħlas ta’ pledge għal libertà proviżorja.

Dar, li qed jirċievi t-trattament mediku f’Londra, qed jinsisti li mhux ħati mill-akkużi. Hu, intant, qed jiffaċċja l-arrest ladarba jirritorna fil-Pakistan.

L-akkużi kontra Dar qed isegwu l-investigazzjoni dwar il-finanzi tal-eks-Prim Ministru Pakistani Nawaz Sharif, li kien tqaċċat, f’Lulju, wara li l-Qorti Suprema tal-Pakistan skwalifikatu talli ma ddikjarax salarju li kien qed jieħu mingħand kumpanija offshore li waqqaf ibnu.

Il-Ministru tal-Finanzi Pakistani hu wieħed mill-eqreb alleati politiċi ta’ Sharif, meta ibnu hu miżżewweġ lit-tifla tal-Prim Ministru. Nawaz Sharif ukoll qed jiċħad dwar abbuż u xi involviment f’aġir korrott.

Il-Ministru Dar ċaħad is-sejħiet li qed jiżdiedu għar-riżenja tiegħu, fost pronostiku ekonomiku li qed jaqleb għall-agħar għall-Pakistan. Dan meta l-pajjiż qed jipprova jrażżan kriżi konnessa mal-bilanċ tal-pagamenti fost tnaqqis fir-riservi barranin tal-kambju u żbilanċ li aktar, kulma jmur, qed jikber.