Lokali

“Irrid inkun l-għodda ta’ għaqda f’idejn it-tesserati” Edwin Vassallo

Waqt il-programm Newsroom fuq NET Television, Edwin Vassallo kandidat għall-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari, saħaq li hu jrid ikun l-għodda ta’ għaqda f’idejn it-tesserati. Fl-intervista tiegħu mal-preżentatur Norman Vella, Edwin Vassallo enfasizza l-importanza li nġeddu mill-ġdid il-kultura tad-djalogu li huwa l-bidu ta’ eżerċizzju li fih ngħarfu l-isfidi, nitkellmu dwarhom, u noffru soluzzjonijiet.

Edwin Vassallo sostna li hemm bżonn ta’ djalogu miftuħ inkulussiv kemm jista’ jkun biex jinkludi lill-kulħadd. Dan huwa d-djalogu li jagħmel lill-P.N. id-dar ta’ kulħadd, maħsub ukoll li jkollu bħala objettiv it-tisħiħ tal-ġid komuni.

Edwin Vassallo qal li hemm bżonn ta’ politika inklussiva li ma teskludi lil ħadd u dan se jiddefendieh bil-qawwa kollha.

Fakkar wkoll li jrid jaħdem biex juri l-modi ta’ ħsieb differenti fejn kulħadd jirrispetta t-twemmin u opinjoni ta’ xulxin, biex hekk verament l-partit ikun rapreżentattiv tal-poplu.

Edwin Vassallo sostna li jemmen li nistgħu nirbħu biss jekk ningħaqdu, nissaħħu u nikbru. Edwin Vassallo temm jgħid li huwa bżonn nazzjonali li nibnu flimkien mill-ġdid Partit b’saħħtu.

L-Elezzjoni għall-Viċi Kapijiet tal-PN se jsiru s-Sibt 18 ta’ Novembru.