Lokali Parlament

Isostni li l-Gvern Nazzjonalista għarrqu u mhux aġevolah u li hu jivvota lill-PL; anzi għandu antipatija għall-PN

Il-propjetarju tal-post fi Triq Spinola f’San Ġiljan li jinsab f’nofs kontroversja u li bħalissa l-każ dwaru qed jinstema’ quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi xehed li f’dan il-każ il-Gvern Nazzjonalista kien għarrqu u mhux aġevolah u li dak iż-żmien u llum hu jivvota lill-PL.

Quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) Vincent Farrugia qal li hu qiegħed fil-kummerċ tat-tessuti u tal-assigurazzjoni iżda mhux spekulatur tal-bini. Hu qal li l-propjetà li jixtri jżommha għalih u li din jixtriha b’kumbinazzjoni. Auntielucy Ltd hi kumpanija tiegħu li jmexxiha ħaddieħor u li kienet tbigħ l-għamara waqt li għamlet proġetti bħax-xogħlijiet fil-Lukanda Intercontinental. Hu qal li fit-tessuti għandu l-Hugo Boss, Max, Samsonite waqt li fl-assigurazzjoni hu involut fil-Melitaunipol u għandu wkoll negozju ta’ bus shelters.

Dwar il-post ta’ 83 Triq Spinola f’San Ġiljan, hu qal li l-blokka sħiħa hi mibnji fuq il-postijiet numri 80, 81,82 u 83 li huma djar żgħar ħdejn xulxin fi Spinola. Hu xtara l-post numru 83 b’ċens ta’ 150 sena mingħand żewġ inkwilini. Għall-post ta’ fuq Farrugia qal li ħallas €48,900 u waqt li għall-post ta’ taħt ħallas €16,300 għal total ta’ €63,000. Hu qal li lill-inkwilina Maltija hu kellu jtiha post fejn toqgħod iżda sal-lum din għadha hemm.

Ix-xhud kompla li dawn kienu postijiet żgħar u sostna li hu għandu riservi kbar dwar is-sentenzi tal-qorti dwar il-bini fuq quddiem fil-foreshore. Hu żied li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi kien applika u ġab il-permess għall-bini ta’ boathouses.

Jirriżulta li l-Qorti kienet ordnat l-iżgumbrament ta’ dak kollu li x-xhud bena fuq quddiem. Din kienet konfermata wkoll mill-Qorti tal-Appell.

Mistoqsi dwar l-iżvilupp, ix-xhud wieġeb li dan kien mifrux fuq erbat idjar, disa’ sulari, garaxxajiet, boathouses, ristorant u terazzin. Hu qal li kif inqalgħet il-kawża tal-qorti, ix-xogħlijiet kienu lesti. Fl-2003 kien hemm oġġezzjonijiet mir-residenti taż-żona. F’dan l-istadju l-post kien għadu ġebel u saqaf u f’dan l-istadju l-iżvilupp waqaf għaliex kien hemm stennija ta’ permessi.

Ix-xhud qal li l-MEPA tatu permess jibni fuq il-foreshore u sostna li l-binja kollha inbniet skont il-permessi tal-MEPA. Is-sentenzi kelli niblagħhom u nonorhom għax il-vittma hu jien u mhux il-poplu, irrimarka x-xhud, li sostna li hu jemmen li dik l-art mhix tal-Gvern.

Vincent Farrugia kompla jixhed li sieħbu Alex Grech kien għejja bil-‘bużullotti’ taċ-ċens li kien ilu snin twal u li waqa’. Dwar il-post 83 fi Triq Spinola, ix-xhud qal li x-xiri tal-post swieh €700,000 u qal li kien essenzjali li l-foreshore ma titwaqqax. Dan kien fl-2009 meta l-Qorti tal-Appell ordnat it-twaqqigħ. Ix-xhud qal li l-foreshore speċifikat mill-Qorti kien f’dubju għaliex kien hemm parir tal-Avukat Ġenerali ta’ dak iż-żmien li stabbilixxa li ż-żona ma kinx foreshore.

Hu qal li meta bena l-propjetà kienet tiegħu anki dik tal-foreshore. Ix-xhud qabbad lill-avukat tiegħu biex tinstab soluzzjoni meta kien hemm id-deċiżjoni tal-Qorti għaliex kollox sar b’rieda tajba. Farrugia qal li xtara erba’ postijiet mill-blokka, bl-inkwilini jkunu mwegħda li jingħataw post.

L-amministrazzjoni tal-PN dejjem tawni bis-sieq fosthom fil-billboards u fi kwistjoni ta’ fabbrika li kontrih ħarġet ordni ta’ infurzar, sostna x-xhud li kompla li hu dejjem ivvota għal min tela’ fil-gvern ħlief l-aħħar darba li telgħu n-Nazzjonalisti. Il-gvern Laburista hu pro-buisness u din tgħoġobni waqt li gvern Nazzjonalista kien ifittex dwar xi ammonti żgħar miegħi fil-kirja li kelli, qal ix-xhud, li kompla li kellu rabja għall-Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien fejn kien hemm diaprtimenti jiġġieldu ma xulxin; illum l-affarjiet differenti għaliex tasal.

Lill-Ministru Azzopardi qatt ma kellimtu għax m’għandix grazzja miegħu jew mal-PN, sostna x-xhud li kompla li hu qatt ma talab jew ta parir dwar il-laqgħa mal-Ministru Jason Azzopardi. Qatt ma kont naf li se ssir din il-laqgħa, sostna x-xhud.

F’dan il-mument l-Avukat Peter Fenech, li qe djidher għax-xhud, iddikjara li hu bħala l-avukat ta-xhud qatt ma attenda laqgħat mal-Ministru Azzopardi. L-avukati tax-xhud kienu Peter Fenech u Massimo Vella. Ix-xhud qal li hu kien informat li se jiltaqgħu tliet periti, tnejn mill-gvern u wieħed tax-xhud dwar il-każ.

Hu sar jaf ukoll li ċ-ċifra tal-kumitat appuntat li jevalwa kienet €300,000 iżda kien hemm indħil – ma nafx minn fejn – li d-Dipartiment jew il-Ministru riedu €525,000. Għad għandi antipatija għall-Gvern Nazzjonalista għalkemm ġej minn familja Nazzjonalista. Fl-aħħar 20 sena jien ma stajtx naħdem ma’ Gvern Nazzjonalista; l-art serquhieli, sostna x-xhud.

Id-deputat Laburista Robert Abela sostna li minkejja dan, ix-xhud mar għand l-Avukat Peter Fenech, li hu viċin Simon Busuttil. Hawn il-Viċi-Kap tal-PN Beppe Fenech Adami irrimarka li din hi kritika inġusta tad-deputat Laburista Robert Abela fuq l-avukatura għaliex kull persuna għandha dritt tagħżel lill-avukat li trid.

Ix-xhud kompla li hu kien xtara l-post €63,000 u hu tefa’ l-offerta €192,225 iżda dak iż-żmien ma kinx hemm minimu ta’ offerta. Farrugia kien l-uniku persuna li tefa’ l-offerta iżda d-Dipartiment ried €900,000 tal-propjetà. Hu qal li l-prezz kien ikkunsidrat bħala esaġerat u kienu bdew in-negozjati. Il-kuntratt sar fi żmien gvern Nazzjonalista li kien jinkludi wkoll ħlas fuq perjodu ta’ żmien. Hu qal li idn il-kundizzjoni kienet negozjata wara l-kuntratt.
Mill-ammont ta’ €525,000 hu għamel l-ewwel tlieta u fadal l-aħħar tnejn.

Hu talab estenzjoni għall-pagamenti għaliex għadu ma bigħx il-propjetà. B’kollox mill-post ħarġu 14-il apprtament li tnejn minnhom huma biss kamra u l-oħrajn ukoll huma żgħar quddiem il-baħar u penthouse. Il-valur tal-penthouse ġebel u saqaf hu ta’ €1.6 miljun, qal ix-xhud, li kompla li kien hemm bidla fil-pjanti fejn it-talba tal-appartamenti hi €1.4 miljun ta’ żewġ appartamenti. Il-valur ta’ appartamenti kollha fil-livelli kollha huma minn €9 miljuni sa €10 miljuni, sostna x-xhud, li kompla li l-post ta 68 metru kwadru u l-foreshore se jiswew €700,000.

Ix-xhud qal li hu qatt m’għamel telefonati lil xi politiku jew lill-Ministru Jason Azzopardi. Hu sostna li l-Ministru Jason Azzopardi għarraqu mhux għamillu l-favuri għaliex is-€700,000 li ħallast ħaduhom minn uliedi. Il-Gvern Nazzjonalista u l-poplu naqsu lejja, sostna x-xhud, li kompla li hu qed iħallas il-pagamenti u kiteb lid-Dipartient dwar iż-żewġ pagamenti l-oħra.

Tags