Lokali

L-Oppożizzjoni titlob diskussjoni dwar il-Brexit

Il-Membri Parlamentari tal-oppożizzjoni li huma wkoll membri tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej, Carmelo Mifsud Bonnici u David Stellini, talbu formalment, permezz ta’ ittra lill-President ta’ dan il-kumitat, biex fl-ewwel seduta jibda jiġi diskuss il-ħruġ tar-Renju Unit mil-Unjoni Ewropeja, il-Brexit.

Iż-żewġ kelliema qalu li l-Kumitat li twaqqaf mill-Gvern f’Settembru li għadda, jidher li aktar qed jiffoka fuq l-aspetti kummerċjali. Imma hemm aspetti oħrajn li għandhom bżonn attenzjoni partikolari fost oħrajn il-moviment ħieles taċ-ċittadini Ewropej.

Għal dan l-aspett u oħrajn iż-żewġ kelliema talbu li tiġi ffisata seduta biex jiddiskutu dawn l-aspetti u għaliha għandu jattendi Joseph Zammit Tabona f’isem il-Malta-UK Business Promotion Taskforce.