Internazzjonali

It-terremot fl-Iran: Emerġenża umana, bil-mejtin jiżdiedu

 

L-Iranjani li spiċċaw jgħixu fl-apert wara t-terremot qattiel li heżżeż iz-zona tal-fruntiera tal-pajjiż mal-Iraq qegħdin jagħmlu l-appelli ddisprati għall-għajnuna. It-terremot laqat l-inħawi fil-bidu tal-ġimgħa u fil-preżent, eluf ta’ nies jinsabu kostretti li jiffaċċjaw temperaturi ta’ kesħa kbira, wara li nqerdu mijiet ta’ djar fit-theżżiż.

Iċ-ċifra tal-imwiet mit-terremot telgħet għal 540, bi 8,000 oħra jindarbu. L-aħħar rapporti qalu li l-Gvern Iranjan kien qed jagħmel li jista’ biex jibgħat l-għajnuna lejn l-inħawi li ġarrbu l-akbar impatt tat-theżżiża fil-provinċja ta’ Kermanshah, qalb il-muntanji.

Intant, il-President Iranjan, Hassan Rouhani, żar ir-reġjun milqut f’jum ta’ luttu nazzjonali. Hu qal li r-residenzi mibnija mill-Istat kienu sofrew l-akbar ħsarat u li l-persuni responsabbli jridu jagħtu kont, ‘il quddiem. L-organizzazzjonijiet tal-media internazzjonali ma kenux qed jitħallew imorru fis-siti tal-emerġenza.

L-aħħar rapporti qalu li r-residenti fiz-zoni milquta kienu qegħdin jibżgħu jirritornaw fid-djar li baqgħu weqfin minħabba t-theżżiż tal-art sekondarju li baqa’ għaddej, u minkejja li waqgħet friża kbira fil-provinċja ta’ Kermanshah u l-madwar. Ħafna vittmi tat-terremot huma kostretti li jgħixu fit-tined u fejn mgħandhomx biżżejjed ikel u ilma.

L-aġenziji tal-għajnuna qalu li ‘il fuq minn 70,000 jeħtieġu l-mezzi għall-kenn u li n-Nazzjonijiet Uniti ‘lesta biex tgħin’ f’każ li neċessarju.

L-awtoritajiet  irrappurtaw madwar 200 theżżiża sekondarja, jew aftershock, fir-reġjun u li segwew it-terremot kbir qattiel ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn li rreġistra 7.3 fuq l-Iskala Richter. Dan it-terremot hu fost l-aktar qawwija li laqtu lid-dinja din is-sena, biċ-ċifra tal-mejtin sussegwenti wkoll tkun fost l-agħar irreġistrati f’ċirkustanzi simili, mill-bidu tas-sena ‘il hawn.

L-aħħar indikazzjonijiet kienu li, fit-terremot, mietu (talanqas) 530 fl-Iran ‘biss’ b’għaxra oħra jmutu fiz-zoni tal-Iraq man-naħa l-oħra tal-fruntiera, b’mijiet oħra jindarbu.