Volunteer Sliema laqqgħet lill-Kunsill Lokali ta’ tas-Sliema ma’ SOS Malta u l-Corporate Citizenship for Responsible Enterprises(CORE) f’proġett konġunt li se jiffaċilita il-mobbiltà għas-Slimiżi kollha, kemm dawk anzjani kif ukoll dawk b’xi diżabbiltà.
3 siġġijiet tar-roti motorizzati mogħtija mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Mara f’Malta u l-kumpanija OK Medical se jingħaqdu ma’ 9 oħra provduti diġà f’dan il-proġett innovattiv li jikkontribwixxi għall-bidliet demografiċi f’tas-Sliema. Kull resident Slimiż jista’ jaċċessa dawn is-siġġijiet b’xejn mill-Isptar St. James, f’Triq Ġorġ Borg Olivier tas-Sliema, liema sptar qed jipprovdi l-loġistika kollha tal-proġett.
NET News tkellem mas-Sindku ta’ Tas-Sliema, Anthony Chircop, fuq l-isfidi li jiltaqa’ magħhom il-Kunsill sabiex jattwa proġetti bħal dawn. “Konna avviċinati minn SOS Malta sabiex ngħinuhom japplikaw għall-iskema VOPS u kkwalifikaw għall-benefiċċju finanzjarju. Il-Kunsill Lokali applika hu did-darba b’proġett ikbar fi skema oħra mnedija mill-Gvern. Il-Gvern iddiskrimina fl-għoti tal-fondi għall-proġett bl-istess faċilitajiet billi ta l-fondi lill-kunsill ieħor u ħalla l-Islimiżi b’xejn. Għallinqas, meta jkun hemm proġetti simili għandhom jibbenefikaw it-tnejn.”
Huwa wera t-tħassib ukoll fuq l-ammont kbir ta’ toroq u bankini kkapparati mill-iżviluppaturi għall-kostruzzjoni li qed ixxekklu l-mobbiltà fil-lokalità.
Is-servizz ta’ xufier, ipprovdut mill-Kunsill Lokali ta’ tas-Sliema sa minn Lulju, huwa disponsibbli għal kull anzjan Slimiż b’xejn sabiex jagħmel il-qadjiet tiegħu, kemm jekk biex imorru l-quddies, il-bank jew iċ-ċentru tas-saħħa. B’hekk il-Kunsill Lokali, flimkien mal-komunità kummerċjali, qed jagħtu l-opportunità li dawk kollha immobbli biex jgħixu l-ħajja komunitarja barra minn djarhom.
//= $special ?>