Internazzjonali

Vladimir Putin akkużat dwar indħil fl-elezzjonijiet

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, infexxet f’attakk mill-aktar qawwi fuq ir-Russja fejn akkużat lil Moska dwar indħil fl-elezzjonijiet ta’ pajjiżi oħra u talli saret ‘protagonista tal-ispjunaġġ bil-mezzi ċibernetiċi’.

Meta indirizzat lill-personalitajiet ewlenin tal-kummerċ waqt pranzu, f’Londra, Theresa May enfasizzat li il-Gvern immexxi mill-President Russu, Vladimir Putin, ‘qed jipprova jdgħajjef lis-soċjetajiet ħielsa’. Fl-istess ħin, hi akkużat lil Moska ‘b’li qed tiċċirkola stejjer u rapporti foloz bil-għan li tkattar id-diżgwid qalb l-Istati tal-Punent’.

Il-Prim Ministru Britanniku kompliet li filwaqt li r-Renju Unit ma jridx ‘konfront perpetwu mar-Russja’, pajjiżha se jagħmel li hemm bżonn biex iħares l-interessi tiegħu.

Il-kummenti ta’ May kienu kuntrast kbir għall-kummenti tal-President Amerikan, Donald Trump, li l-ġimgħa l-oħra qal li kien jemmen ‘iċ-ċaħda ta’ Putin’ fil-konfront tal-akkużi li hu kien indaħal fl-elezzjoni tal-2016 għall-Presidenza tal-Istati Uniti.

Fid-diskors dwar il-politika barranija li saret waqt il-Lord Mayor’s Banquet, fi Guildhall, May qalet li xtaqet twassal ‘messaġġ sempliċi ħafna lil Vladimir Putin’ fejn ħeġġet lill-President Russu ‘biex jagħżel triq differenti ħafna minn dik li, fl-aħħar snin, rat il-ħtif (mir-Russja) tal-peniżola tal-Krimea lill-Ukrajna, fost l-iżviluppi tal-konflitt fl-artijiet Ukreni u l-attakki ċibernetiċi ta’ Moska fuq il-Gvernijiet u l-Parlamenti fl-Ewropa’.

Theresa May komplet li r-Russja abbużat kemm il-darba l-ispazju tal-ajru ta’ diversi pajjiżi Ewropej minbarra li persistiet bil-kampanja ta’ spjunaġġ ċibernetiku u ‘sistemi intiżi biex iħarbtu lil pajjiżi oħra’. Intant, hi sostniet li r-Russja tista’ tkun sieħba importanti għall-Punent ‘dment li hi ma tabbużax mir-regoli internazzjonali’.