Internazzjonali

Xjenzati jiffirmaw ittra li qed tbassar ‘apokalissi’

 

‘Il fuq minn 15,000 xjenzat minn madwar id-dinja ffirmaw ittra li qed twissi dwar apokalissi imminenti. Il-messaġġ jismu Warning to Humanity (Twissija lill-Umanità) u jiddettalja viżjoni preokkupanti dwar id-destin ikrah li d-dinja qed tiffaċċja jekk ma jittiħdux il-kontro-miżuri drastiċi.

Il-messaġġ hu aġġornament fuq il-messaġġ oriġinali bl-isem Warning from the Union of  Concerned Scientists li kien sar fl-1992 u issa, il-pronostiku dwar il-futur mill-komunità xjentifika qed jagħti lok għal aktar tħassib.

Filwaqt li l-ħofra fl-ozone layer illum hi ‘stabbilizzata’, qed jidher li kibru kull waħda minn fost it-theddid kbar għad-dinja li kienu identifikati fl-1992. Dan meta, fi kliem ix-xjenzati, il-konsum bla rażan tar-riżorsi prezzjużi tad-dinja b’kaġun ta’ popolazzjoni li aktar, kulma jmur, qed tikber, jibqa’ l-akbar periklu għan-nies tad-dinja.

Ix-xjenzati qed iħeġġu biex ‘ix-xjenzati, l-entitajiet li jinfluwenzaw il-midja u ċ-ċittadini’ jżidu l-pressjoni fuq il-Gvernijiet biex idawru lura x-xejriet li qed jaffettwaw l-ambjent.

Fl-istess ħin, il-messaġġ ta’ twissija jenfasizza numru ta’ sitwazzjonijiet katastrofiċi ‘għall-ambjent’ fosthom it-tibdil drastiku fil-klima; l-ispinta fit-tnaqqir tal-foresti; is-sitwazzjonijiet fejn numru sostanzjali ta’ speċi jispiċċaw mill-eżistenza;  inċidenza ta’ hekk imsejħa dead zones fl-oċeani u nuqqas ta’ aċċess għall-ilma li hu tajjeb għax-xorb.

Ix-xjenzati, immexxija mill-Professur William Ripple, mill-Università ta’ Oregon u li hu  fost l-aktar ekoloġisti rinomati fid-dinja, esprimew dan it-tħassib bil-messaġġ riprodott fil-ġurnal online internazzjonali BioScience.

Huma qalu li ‘l-umanità qed tingħata twissija oħra u tajjeb li nirrealizzaw li nkunu qegħdin nipperikolaw il-futur jekk ma nrażżnux il-konsum intensiv ta’ materjal u riżorsi li qed joħloq l-iżbilanċi minn lat ġeografiku kif ukoll demografiku’. Ix-xjentisti komplew li l-umanità għandha tirrikonoxxi ż-żieda kontinwa u rapida ta’ żviluppi fil-popolazzjoni bħala l-ixprun ewlieni wara ħafna mit-theddid għall-ekoloġija u s-soċjetà.

‘Il-falliment tagħna milli nillimitaw l-iżvilupp bla rażan tal-popolazzjoni u fejn ma evalwajniex mill-ġdid ir-rwol ta’ ekonomija li tibbaża fuq l-iżvilupp sostenibbli, fost it-tnaqqis tal-gassijiet greenhouse u l-kampanji li jiċentivaw is-sorsi tal-enerġija li jiġġeddu, ifisser li l-umanità mhix tieħu l-passi urġenti biex tissalvagwardja l-biosfera li tinsab f’periklu sostanzjali,’ sostnew ix-xjenzati.

Huma ħeġġew ukoll biex il-Gvernijiet, fost oħrajn, jipproteġu l-abitat, waqt li jirristawraw l-ekosistemi u jrażżnu t-tniġġis tal-ambjent.

Fit-twissija oriġinali, ix-xjentisti – fosthom ħafna mir-rebbieħa tal-Premju Nobel – kienu sostnew li l-impatt tal-bniedem fuq id-dinja naturali x’aktarx li kellu jwassal ‘għal miżerja kbira fost l-umanità’.

Issa, it-twissija ġdida – miktuba bħala artiklu fuq bażi ta’ ‘ittra miftuħa’ – għandha l-appoġġ ta’ 15,364 xjenzat minn 184 pajjiż li qablu biex joffru isimihom bħala firmatorji għall-artiklu.

L-awturi ta’ din it-twissija, intant, qed jibbażaw fuq id-data provduta mill-aġenziji mal-gvernijiet, ir-riċerkaturi individwali u l-organizzazzjonijiet li ma jaħdmux bi qligħ. Din id-data qed tissostanza l-argument li l-impatti tax-xejriet attwali fuq l-ambjent x’aktarx li se jirriżultaw ‘fi ħsara sostanzjali u irriversibbli għad-dinja’.