Lokali Qorti

Akkużat b’diversi serqiet f’Birkirkara, Ħal Qormi u Ħaż-Żebbuġ

Raġel tressaq il-Qorti dalgħodu akkużat b’diversi serqiet. Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, Simon Borg, ta’ 32 sena minn Ħaż-Żebbuġ wieġeb mhux ħati ta’ serq ta’ vettura, serq ta’ pjanċi ta’ reġistrazzjoni u li uża l-istess vettura biex iwettaq numru ta’ serqiet.

Hu kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-liberta’ proviżorja.

L-Ispettur Elton Taliana spjega li l-pulizija kienet qed tfittex karozza li kienet misruqa u li kienet qed tintuża f’numru ta’ serqiet fost oħrajn, f’Birkirkara, f’Ħal Qormi u f’Ħaż-Żebbuġ. Huma sabu lill-akkużat fil-pussess ta’ din il-vettura meta nqabad fil-ħin li suppost kellu jkun id-dar skont il-ħelsien mill-arrest u l-ordni tal-probation li kienu inħarġu minn Qrati oħra.

L-Ispettur qal li l-pulizija sabu wkoll għodod diversi li jintużaw għal skopijiet ta’ serq, kif ukoll ħwejjeġ relatati.

Il-Qorti ordnat li l-akkużat ikompli taħt il-kundizzjonijiet tal-probation eżistenti u assenjat il-każ għall-kumpilazzjoni.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexx mill-Ispetturi Elton Taliana u Kylie Borg filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jassistu lill-akkużat.

 

Tags