Internazzjonali

Akkużata b’ li qed ‘iżżomm lill-Prim Ministru tal-Libanu’

 

Il-President tal-Libanu, Michel Aoun, għall-ewwel darba akkuża pubblikament lill-Arabja Sawdija b’li qed iżżomm lill-Prim Ministru Lebaniż, Saad Hariri, li kien irriżenja kontra kull mistenni waqt żjara li hu kien għamel f’Riyadh, fl-4 ta’ Novembru li għadda.

Aoun qal li ‘xejn ma jiġġustifika’ l-assenza kontinwa ta’ Saad Hariri mil-Libanu u li s-sitwazzjoni għandha titqies daqslikieku abbuż tad-drittijiet umani tal-istess Hariri.

Il-President tal-Libanu qal ukoll li pajjiżu ma jistax jistenna fit-tul għar-ritorn ta’ Saad Hariri – li min-naħa tiegħu mar mill-ġdid fuq Twitter biex iwassal il-messaġġ li ‘hu dalwaqt għandu jirritorna pajjiżu’ u li ‘hu jinsab tajjeb’.

Ftit tal-jiem ilu, Saad Hariri kien tenna, waqt intervista lil stazzjon tat-televiżjoni, li hu seta’ jitlaq mill-Arabja Sawdija meta jrid u li kien ħareġ mil-Libanu biex jipproteġi lilu nnifsu.

Sadanittant, il-Gvern tal-Arabja Sawdija qed jiċħad li qed iżomm lil Saad Hariri kontra l-volontà tiegħu. Dan il-Gvern, fl-istess ħin, irrifjuta l-allegazzjonijiet li qiegħed iwettaq il-pressjoni fuq Hariri biex jirriżenja bħala tentattiv (mill-Arabja Sawdija) biex jitnaqqas l-influwenza tal-Iran, li hu r-rivali kbir tas-Sawdi fir-reġjun.

Sadanittant, żdiedu l-indikazzjonijiet li ‘il-gwerra bierda’ bejn l-Arabja Sawdija u l-Iran qed issir aktar akuta. Dan meta għadu imprevedibbli l-mod kif il-kriżi tista’ tiżvolġi u wara li l-livell tat-tensjoni kompla jikber tul dawn il-ġimgħat.

Il-gwerra bil-kliem bejn Riyadh u Tehran kompliet tiħrax , bil-Prinċep Mohammed bin Salman tal-Arabja Sawdija jakkuża lill-Iran dwar ‘aggressjoni militari diretta’  u bl-Iranjani jiċħdu kull sehem fi sparatura ta’ missila lejn Riyadh mill-Jemen – fejn koalizzjoni taħt tmexxija Sawdija qed tiġġieled kontra ribelli appoġġjati minn Tehran.