Franza għelbu l-isfida tal-Afrika ta’ Isfel u l-Irlanda biex jospitaw it-Tazza tad-Dinja tar-Rugby fl-2023.
Fl-ewwel rawnd ta’ voti fil-Kunsill tad-Dinja tar-Rugby f’Londra, ma kienx hemm maġġoranza ta’ voti, bl-Irlanda jkunu eliminati wara li kellhom l-anqas ammont ta’ voti.
Bl-Irlanda eliminati, fir-rawnd sussegwenti Franza kisbet 39 vot kontra l-24 vot tal-Afrika ta’ Isfel. Tal-aħħar kienu rakkomandati bħala l-aħjar għażla mill-ogħla assoċjazzjoni tar-rugby fid-dinja, f’rapport ta’ 139 paġna ppubblikat ġimagħtejn ilu, iżda ċ-chairman tal-World Rugby Bill Beaumont ċaħad li kien umiljat bid-deċiżjoni finali.
“Konna fortunati li kellna tliet offerti tajbin. Se jkun hemm żewġ nazzjonijiet li jkunu diżappuntati. Ċertament li kuntent għal Franza, u ser ikun tournament eċċitanti,” qal Beaumont.
Franza u l-Irlanda kienu kkontestaw il-preferenza li l-kumitat tal-evalwazzjoni għamel favur l-Afrika ta’ Isfel, biż-żewġ nazzjonijiet ikunu kunfidenti li jirbħu t-tellieqa finali.
Id-delegati spiċċaw biex għażlu l-Franza u marru kontra l-parir li jagħżlu l-Afrika ta’ Isfel, li kienu organizzaw it-tournament fl-1995. L-edizzjoni ta’ sitt snin oħra se tkun qed issegwi dik tal-2019 li se ssir fil-Ġappun.
L-Ingilterra organizzaw l-aħħar Tazza tad-Dinja sentejn ilu, bin-New Zealand jirbħu t-tieni unur konsekuttiv wara li kienu rebħu f’pajjiżhom fl-2011.
//= $special ?>