Il-militar taż-Żimbabwe poġġa lill-President tal-pajjiż, Robert Mugabe, taħt arrest f’daru wara sigħat mill-aktar drammatiċi f’Harare u meta t-truppi, bħalissa, għaddejjin bir-ronda fl-aktar zoni strateġiċi tal-kapitali. Ir-rapporti dwar is-sitwazzjoni ta’ Mugabe daħlu ftit wara li l-militar ħabbar li kien ħa kontroll tal-Istat u meta ċ-ċirkustanzi huma disposti li jinbidlu minn ħin għall-ieħor.
Robert Mugabe ilu President taż-Żimbabwe mill-1980 u l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Afrika t’Isfel qal li hu, issa, kellu telefonata mal-President Jacob Zuma fejn qallu li ‘kien jinsab tajjeb’. Dan wara li l-militar taż-Żimbabwe kienu ħabbru li Mugabe ‘kien qed jinżamm f’post sikur.’
Kelliem għall-Armata taż-Żimbabwe li deher fuq it-televiżjoni tal-Istat ħabbar li l-militar kien qed jikkonċentra fuq persuni qrib ta’ Mugabe u ‘kriminali’ li allegatament ikkaġunaw tbatija kbira qalb il-poplu fuq livell soċjali u ekonomiku. Filwaqt li s-sitwazzjoni baqgħet konfuża , ma kienx eskluż li l-pass mill-militar seta kien kolp ta’ stat bil-ħsieb li Emmerson Mnangagwa – li ftit ilu kien tkeċċa minn Viċi-President – jieħu post Mugabe fit-tmexxija tal-pajjiż.
Il-pass drastiku mill-Armata, fil-fatt, jidher li kien reazzjoni għad-deċiżjoni ta’ Robert Mugabe biex ineħħi lil Mnangagwa mill-kariga, bil-għan li tieħu postu martu, il-First Lady, Grace Mugabe.
Intant, l-inħawi lejn it-Tramuntana ta’ Harare dwew mill-ħsejjes tal-isparaturi waqt li Ġeneral tal-Armata qara stqarrija fuq it-televiżjoni fejn, fl-ewwel kummenti, ċaħad li ‘fil-pajjiż kien għaddej kolp ta’ stat’.
Robert Mugabe, li għandu 93 sena, ilu jiddomina x-xena politika taż-Żimbabwe mindu l-pajjiż ( l-eks-Rodeżja) kiseb l-indipendenza mir-Renju Unit, fl-1980.
Fl-aħħar żviluppi, l-Istati Uniti u r-Renju Unit avżaw liċ-ċittadini tagħhom f’dan il-pajjiż Afrikan biex jeżerċitaw il-kawtela u ma joħorġux il-barra mid-djar ‘sakemm is-sitwazzjoni tiċċara’.
//= $special ?>

