Sport

Jiltaqgħu l-erba’ Presidenti fl-istorja tal-Għaqda Ġurnalisti Sports

L-erba' Presidenti tal-Għaqda Ġurnalisti Sports

Il-Ħamis 9 ta’ Novembru kienet ġurnata speċjali għall-Għaqda Ġurnalisti Sports hekk kif kienet organizzata quddiesa ta’ ringrazzjament fil-knisja tal-Omm tal-Parir it-Tajjeb f’San Ġiljan.

Il-Quddiesa kienet iċċelebrata mill-ewwel President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Fr Hilary Tagliaferro, u kienet offruta għal ruħ il-membri kollha tal-Għaqda li ħallew din id-dinja.

L-okkażjoni kienet waħda speċjali wkoll hekk kif għall-ewwel darba sa mill-bidla tal-aħħar President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports, iltaqgħu għar-ritratt tal-okkażjoni t-tliet Presidenti preċedenti Fr Hilary Tagliaferro, Henry Calleja, Chares Camenzuli, u Sandro Micallef il-President attwali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.

Fr Hilary Tagliaferro u Henry Calleja kienu wkoll ppreżentati b’mod uffiċjali plakka kommemorattiva tal-okkażjoni bħala Presidenti Onorarji.

L-Għaqda Ġurnalisti Sports sodisfatta b’digriet tal-qorti

L-Għaqda Ġurnalisti Sports ħarġet stqarrija biex tesprimi s-sodisfazzjon tagħha għad-digriet tal-Qorti maħruġ mill-Maġistrat Joseph Mifsud fejn ta ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-ġurnalist sportiv Antvin Monseigneur.

Il-każ jirrelata ma’ aggressjoni li saret minn Francis Melito Muscat magħruf bħala Frankie Muscat fil-konfront ta’ dan il-ġurnalist fit-23 ta’ Settembru 2017,  wara li kienet għadha kemm intemmet attività tal-Għaqda Ġurnalisti Sports fil-Luxol Grounds f’Pembroke.

L-aggressjoni saret wara li l-ġurnalist, ftit jiem qabel, kien irraporta li s-sur Muscat kien qed jattendi l-logħbiet tal-Waterpolo tal-ASA waqt li kien qed jiskonta sentenza ta’ dixxiplina mill-ASA li kienet tipprojbixxi lilu milli jidħol fil-Pixxina Nazzjonali għal perjodu speċifiku.

L-Għaqda Ġurnalisti Sports qalet li hi sodisfatta l-aktar għall-fatt li f’dan il-digriet is-sur Muscat qed ikun projbit milli jidħol fl-impjanti sportivi kollha f’Malta u f’Għawdex, fost kundizzjonijiet oħra.

L-istqarrija kompliet tgħid li dan hu sinjal b’saħħtu mill-qrati Maltin li qed iwasslu messaġġ ċar favur il-protezzjoni tal-ġurnalisti li huma wieħed mill-pilastri ewlenin tad-demokrazija f’pajjiżna. Il-kawża mistennija tkompli fit-3 ta’ Jannar 2018.