L-Awstralja kkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja għall-ħames darba wara li rebħu 3-1 fit-tieni logħba kontra l-Honduras, bil-captain Mile Jedinak jispikka bi tripletta.
Wara li l-ewwel logħba ntemmet fi draw ta’ mingħajr gowls, l-Awstralja li għaddew mill-Asja, għelbu lit-tim tal-Honduras li spiċċa r-raba’ fil-grupp tal-CONCAFAF, bi tliet gowls minn sitwazzjonijiet wieqfa. Jedinak skorja l-ewwel gowl minn free-kick li kien imxellef biż-żewġ gowls l-oħra jaslu minn penalty.
Il-midfielder ta’ Aston Villa fetaħ l-iskor fl-54 minuta meta l-free-kick minn pożizzjoni ideali ħabtet ma’ Henry Figueroa. Ftit wara, Tim Cahill, li skorja 11-il gowl fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni, mar viċin li jirdoppja b’daqqa ta’ ras li ħabtet mal-mimduda.
Iżda Jedinak serraħ ras il-partitarji Awstraljani preżenti fit-72 minuta meta skorja minn penalty wara li r-referee ġġudika li Bryan Acosta mess il-ballun b’idu. It-tielet gowl wasal fil-85 minuta bit-tieni penalty tal-logħba meta Robbie Kruse twaqqa’ minn Palacios, b’Jedinak jibdel in-naħa tal-ewwel penalty. Honduras skorjaw il-gowl ta’ konsolazzjoni minn Maynor Figueroa lejn it-tmiem.
B’hekk fadal biss post biex jiġu deċiżi t-timijiet kollha li se jieħdu sehem fit-Tazza tad-Dinja, b’New Zealand jilagħbu kontra l-Perù fil-play-off wara li l-ewwel logħba spiċċat 0-0.
//= $special ?>