Internazzjonali

L-Istati Uniti: Ikkuntestata l-awtorità ta’ Trump fuq in-nukleari

 

Il-Kungress ta’ Washington, għall-ewwel darba f’40 sena, eżamina l-awtorità tal-President Amerikan biex jiddetermina ċ-ċirkustanzi ta’ attakk nukleari minn pajjiżu.

Is-smigħ partikulari tal-Foreign Relations Committee tas-Senat kellu bħala tema ‘l-awtorità biex tinħareġ direttiva għall-użu tal-armi nukleari’ u  waqt li xi senaturi esprimew tħassib li l-President Amerikan, Donald Trump, jista’ jaġixxi b’mod irresponsabbli ( u jordna attakk nukleari) oħrajn insistew li l-President tal-Istati Uniti għandu jkollu l-awtorità biex jieħu azzjoni mingħajr l-indħil tal-avukati.

L-aħħar darba li l-Kungress mexxa dibattitu dwar il-kwistjoni kienet f’Marzu tal-1976.

Intant, Trump, f’Awwissu, ħalef għal ‘azzjoni rabbjuża li d-dinja qatt ma rat bħalha’ fil-konfront tal-Korea ta’ Fuq, f’każ li hi tkompli tespandi l-programm nukleari tagħha. Iċ-Chairman Repubblikan tal-kumitat tas-Senat, Bob Corker, ix-xahar li għadda, kien akkuża lil Trump b’li ‘qabbad lill-Istati Uniti fit-triq tat-Tielet Gwerra Dinjija’.

Uħud mis-senaturi preżenti għas-smigħ qalu li huma inkwetati dwar ‘id-dispożizzjoni’ ta’ Trump biex iwettaq xi attakk  nukleari. L-inkwiet hu li Trump jasal għal din id-deċiżjoni drastika ‘ li tkun ferm ‘il bogħod mill-interessi tas-sigurtà tal-Istati Uniti’.

Intant, direttiva Presidenzjali ta’ dan it-tip tkun tirrikjedi l-appoġġ ta’ uffiċjali oħra fuq diversi livelli, filwaqt li tkun analizzata mill-avukati kif ukoll mis-Segretarju tad-Difiża Amerikan u individwi oħrajn li qed iservu mal-militar.Dan, fih innifsu, ifisser li ‘il-President Amerikan ma jistax sempliċiment jagħfas buttuna waħdu u jispara l-missili ’.

Iżda filwaqt li xi esperti qalu li l-uffiċjali militari għandhom iwaqqfu lill-President ‘f’każ li jarawh qed jaġixxi b’mod irresponsabbli’, uħud fost is-senaturi f’Washington  sostnew li l-President Amerikan għandu jkun ħieles biex jaġixxi malajr u b’determinazzjoni ‘taħt ċerti ċirkustanzi’. Is-Senatur, Marco Rubio, spjega li l-President Amerikan ‘irid ikollu l-kapaċità biex iwieġeb f’każ li l-Istati Uniti tisfa attakkata u mhux jispiċċa mxekkel minn grupp ta’ avukati.’

Fl-aħħar ta’ dan is-smigħ, id-deputati Amerikani u l-esperti preżenti qablu li l-ħażna nukleari tal-Istati Uniti għandha tkun immodernizzata ‘għal kwalunkwe eventwalità’.