Relazzjoni reċiproka tajba bejn l-istudent u l-għalliem fil-klassi hija ċ-ċavetta għal relazzjoni b’saħħitha. Sejba saljenti fost oħrajn mnedija f’riċerka mhux konkluża tal-Istitut Nazzjonali għat-Tfulija, fi ħdan il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, fuq ir-relazzjonijiet fil-klassi bejn l-istudenti tal-5 sena u l-għalliema.
Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, fit-tnedija fil-Palazz ta’ Sant’ Anton l-Erbgħa filgħodu qalet li l-għan tar-riċerka hija li tispira dawk li jaħdmu fil-qasam edukattiv biex isaħħu r-relazzjoni tagħhom mal-istudenti. Ir-riċerka qed tesplora kif id-dinamika tar-relazzjonijiet taffettwa l-ġid tat-tfal. L-irwol tal-edukatur bħala għalliema huwa katalist fit-trobbija tat-tfal.
Il-Kap tal-Istitut Nazzjonali għat-Tfulija, Dr. Maureen Cole, saħħqet kif il-proġett qed iħares ukoll lejn tfal li m’għandhomx spazji fejn jilgħabu, partikolarment barra fit-triq fejn normalment jiltaqgħu ma’ ġenerazzjonijiet oħrajn.
NET News tkellem mal-Professur Mary Darmanin, ir-riċerkatriċi li kkoordinat il-proġett, fuq kif jistgħu jinbidlu ċ-ċirkostanzi negattivi fil-proċess edukattiv tat-tfal maż-żmien:
Fost l-affarijiet li jwasslu għal relazzjoni tajba, it-tfal ikunu jixtiequ l-għalliema jgħinuhom jitgħallmu u tapprezza il-progress tagħhom, kemm tinżamm dixxiplina u ordni fil-klassi, u kemm jingħata lok biex isiru jafu lill-għalliem u studenti oħra permezz ta’ ħarġiet u logħob fil-klassi.
Mill-banda l-oħra, it-tfal jiffrustraw ruħhom bl-għajjat tal-għalliema u meta ma jkunux ġusti magħhom u ma’ sħabhom għax iħossu għalihom.
Fl-istudju joħroġ ukoll li l-kritika għall-istudenti m’għandhiex twaqqagħhom għaċ-ċajt biex ma jwaqqalhomx il-moral.
//= $special ?>