Lokali Parlament

FILMAT: L-Oppożizzjoni toħroġ mill-Parlament wara li l-Gvern baqa’ ma ħa l-ebda azzjoni

Wara li l-Gvern għadu jinjora s-sitwazzjoni diffiċli preżenti li għaddej minnha l-pajjiż, l-Oppożizzjoni kollha llejla ħarġet ‘il barra mis-seduta tal-parlament.

Din il-pożizzjoni kienet dikjarata mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia wara l-ħin tal-mistqosijiet fis-seduta tal-lejla u wara li spjega kif il-gvern baqa’ inattiv quddiem il-proposti tal-Oppożizzjoni u l-kritika internazzjonali qed issir.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia staqsa x’passi se jieħu l-Gvern wara l-vot qawwi fil-Parlament Ewropew li fih kien eespress it-tħassib fuq l-istat tad-demokrazija u theddida għar-reputazzjoni fil-pajjiż u jekk hux se jieħu l-passi biex jissalvagwardja l-interessi tal-pajjiż.

Il-Ministru għlal-Affrrijiet Barranin Carmelo Abela wieġeb li hu dejjem ħadem favur pajjiżu anki issa fil-perjodu li minnu għaddej il-pajjiż. Mhux ġust li jkun hemm min jinqeda bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia biex issir ħsara lil Malta barra mill-pajjiż.

Hu kompla li l-istituzzjonijiet Ewropew m’humiex il-parlament Ewropew biss iżda wkoll il-Kummissjoni u l-Presidenza; li kellhom attitudni differenti minn dak li qal il-Parlament Ewropew. Ħadd m’għandu jitħalla jinqeda bina għal skopijiet tiegħu, sostna l-Ministru Carmelo Abela, li appella biex kulħadd iħares l-interessi tal-pajjiż.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius staqsa jekk il-Gvern għandux stqarrija ministerjali. L-Ispeaker wieġeb li m’hemmx staqarrijiet ministerjali.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li għaddiet ġimgħa minn meta l-Oppożizzjoni ddikjarat li minkejja li l-gvern qed jgħid li s-sitwazzjoni hi buisness as usual, dan mhux il-każ.

Għaddew tliet ġimgħat minn meta l-Oppożizzjoni ressqet il-proposti tagħha iżda l-gvern ma ta l-ebda tweġiba. Għaddew tliet ġimgħat minn meta l-Opożizzjoni qalet li kien jistħoqq dibattitu dwar din is-sitwazzjoni u għada hu xahar mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia; li issa hu qtil taħt il-lenti tad-dinja. Il-Gvern li jisma’ sema’ iżda m’għamel xejn u minflok il-Prim Ministru għadu jmur ibigħ il-passaporti.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li għalhekk l-Oppożizzjoni ma taħsibx li għandha tibqa’ tipparteċipa fis-seduta tal-parlament.

Il-Whip tal-Gvern Byron Camilleri qal li l-Gvern qed jieħu nota ta’ dak li għamlet l-Oppożizzjoni iżda l-Gvern se jkompli bil-ħidma tiegħu. Li toħroġ ‘l barra mill-Parlament ifisser li l-Oppożizzjoni qed tabbanudna l-ħidma parlamentari, sostna l-Whip Laburista.