Kelb tar-razza husky miet wara numru ta’ interventi mediċi għaliex persuna mhux magħrufa sparat fuqu sempliċiment għax daħal f’għalqa.
Il-kelb, imsemmi Chiko u miżmum b’għożża wara li ġie adottat minn Stephanie Demanuele, daħal f’għalqa waqt li kien qed idur u rritorna lura għand sidtu b’ferita kbira fl-istonku tiegħu.
Il-każ ta’ moħqrija tal-annimali seħħ fl-għelieqi ta’ madwar il-Magħtab, f’żona magħrufa bħala Ta’ Żwejt u frekwentata mill-kaċċaturi, qrib l-istalel taż-żwiemel li għandha sidtu. Malli sarlu l-X Ray kien evidenti li xi ħadd spara tiri ta’ senter lejn il-kelb, tant li f’ġismu nstabu għexieren ta’ ċomb.



