Roger Federer irnexxielu jikkwalifika għas-semifinali tal-finali ATP wara li għeleb liż-żagħżugħ Ġermaniż Alexander Zverev 7-6, 5-7, 6-1 ilbieraħ. B’dan ir-riżultat hu għadda mal-aħħar erbgħa għall-14-il darba fl-aħħar 15-il dehra.
Federer u Zverev daħlu għal dan il-konfront b’żewġ rebħiet kull wieħed. L-Iżvizzeru li jinsab in-numru tnejn fid-dinja bħalissa, għeleb lill-Ġermaniż f’Halle iżda Zverev rebaħ fil-Masters ta’ Montreal.
Id-deċiżjoni ta’ Rafael Nadal li jirtira, ħalla lil Federer bħala l-unika stilla f’Londra u b’hekk jinsab il-favorit li jirbaħ dan it-titlu għas-seba’ darba fl-età ta’ 36.
Federer deher li seta’ jagħlaq l-ewwel set sad-disa’ logħba li rebaħ fi 63 sekonda, iżda l-avversarju tiegħu wieġeb u ċaħħad lir-rebbieħ ta’ 19-il Grand Slam b’żewġ set points biex is-set kellu jiġi deċiż b’tie-break.
Federer deher li seta’ jagħlaq il-logħba fit-tieni set, iżda Zverev żamm il-kalma u dawwar ir-riżultat biex daħħal il-logħba f’decider. Minkejja li hemm differenza ta’ 16-il sena, Federer irnexxielu jirbaħ sitt logħbiet konsekuttivi biex għalaq il-logħba f’sagħtejn u 11-il minuta.
“Kienet battalja missielta dejjem nieħu pjaċir f’dan il-post. Nieħu pjaċir nilgħab f’Lndra u hawn dejjem kont ta’ suċċess. Grazzi talli għamiltu l-lejla speċjali. Ninsab kuntent li nista’ nilgħab mingħajr pressjoni kontra Cilic, minflok logħba ta’ pressjoni. Kien grupp iebes u għalhekk li ngħaddi wara żewġ logħbiet hu brillanti,” qal Federer.
L-Iżvizzeru jilgħab kontra Marin Cilic li għelbu fil-finali ta’ Wimbledon aktar kmieni din is-sena, filwaqt li Alexander Zverev jilgħab kontra Jack Sock f’logħba li se tiddetermina min se jingħaqad man-numru tnejn fis-semifinali tas-Sibt.
//= $special ?>