Lokali Parlament

Ruling dwar il-ħin tal-mistoqsijiet supplimentari fil-parlament

L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia llejla ta ruling dwar il-ħin tal-mistoqsijiet supplimentari li jsiru fil-parlament. Dan wara l-każ li fih fis-seduta tat-Tlieta l-Ispeaker tefa’ l-mikrofonu tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt li dan kien qed jagħmel numru ta’ mistoqsijiet supplimentari.

Fir-ruling tiegħu l-Ispeaker kkwota r-regoli tal-Kamra u qal li m’hemmx distinzjoni bejn id-deputati u sostna li s-Sedja kienet diġà ġibdet l-attenzjoni lill-Kap tal-Oppożizzjoni dwar mistoqsijiet fit-tul li kienu forma ta’ stqarrija.

Hu kompla li l-kummenti għandhom ikun fil-qosor u li d-deputat jgħaddi mill-ewwel għad-domanda. Filwaqt li għamel riferenza għar-regoli tal-House of Commons, l-Ispeaker qal li dawn jispeċifikaw li l-mistoqsijiet supplimentari għandhom ikunu qosra.

Is-Sedja ċċarat li l-mistoqisjiet ssupplimentarri m’għandhomx jieħdu iktar minn minuta u ma tistax taċċetta li l-mistoqsijiet isiru qishom stqarrijiet.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius qal li hu ma talab l-ebda ruling ħlief għax intefa’ l-mikfronku tal-Kap tal-Oppożizzjoni meta dan kien għadu qed jitkellem.

L-Ispeaker wieġeb li r-ruling hu dak li hu u li l-Ispeaker għandu dritt jagħti ruling fejn iħoss.

Tags