Raġel kien ikkundannat għal ħames xhur ħabs, sospiżi għal sentejn, u mmultat €2,500 wara li ammetta li ħebb għal għalliem iktar kmieni din il-ġimgħa.
Joseph Bondin ta’ 34 sena minn Bormla, ammetta illi kmieni t-Tnejn filgħodu, fl-iskola Santa Margerita, magħrufa wkoll bħala l-iskola Verdala f’Bormla, ħebb għal għalliem u kkaġunalu ġrieħi ħfief.
Hu kien akkużat ukoll li erbat ijiem qabel, permezz tal-media soċjali, kien inġurja u hedded lill-istess għalliem.
L-Ispettur Christabelle Chetcuti, li xliet lil Bondin quddiem il-Qorti, spjegat iċ-ċirkostanzi li wasslu għall-investigazzjoni u l-arrest wara li kien wasal rapport fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Bormla mis-Surmast u għalliem fejn allegaw li l-imputat kien ħebb għal dan tal-aħħar.
L-Avukat Maxeline Ellul għan-nom tal-akkużat, qalet li Bondin irreaġixxa minħabba li t-tifel tas-sieħba tiegħu kien qed jiġi bullied fl-iskola għax hu kemxejn qasir. Hi qalet li dan kien inċident iżolat u l-akkużat diġa’ skuża ruħu.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, ikkundannat lil Bondin ħames xhur ħabs, sospiżi għal sentejn, kif ukoll multa ta’ €2,500 li tista’ titħallas b’pagamenti ta’ €100 fix-xahar. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-akkużat għal sentejn u kien ordnat li ma javviċinax lill-vittma u ma jikkomunikax miegħu bl-ebda mod.
//= $special ?>