Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li trasferixxa l-passaport tiegħu bħala garanzija fuq self

Raġel Filippin ta’ 48 sena, residenti f’Raħal Ġdid kien ikkundannat għal 5 xhur priġunerija, sospiżi għal sena u nofs, wara li ammetta li kien ittrasferixxa l-passaport tiegħu lil terzi.

Eduardo Aquino Dumalag, tressaq mill-Ispettur Darren Buhagiar mis-sezzjoni tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija, akkużat propju li ittrasferixxa l-passaport tiegħu lil ħaddieħor bi ksur tal-liġi.

L-Ispettur Buhagiar spjega li l-akkużat kien mar fl-uffiċċju ta’ Identity Malta biex iġedded il-permess ta’ residenza meta ġie rilevat li l-Filippin kien għadu f’Malta wara li skadiet il-visa tiegħu. Identity Malta informat lill-pulizija li mill-investigazzjonijiet sabet ukoll li Dumalag kien trasferixxa l-passaport tiegħu lil mara Maltija bħala garanzija wara li ssellef €2,000 mingħandha.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, sabet lil Eduardo Aquino Dumalag ħati tal-akkuża miġjuba kontrih. Il-Qorti qieset il-kondotta nadifa tal-akkużat, l-ammissjoni fi stadju bikri u l-intenzjoni tiegħu li jirritorna pajjiżu mal-ewwel titjira possibbli.

Għaldaqstant, il-Qorti ikkundannat lill-akkużat għal ħames xhur ħabs, sospiżi għal 18-il xahar. Ir-raġel se jinżamm mill-Pulizija sakemm jaqbad l-ewwel titjira disponibbli fis-siegħat li ġejjin.

L-Akkużat kien assistit mill-Avukat Simon Micallef Stafrace