Lokali Qorti

Sitt xhur ħabs wara li ġibed €41,000 mill-bank minkejja ordni ta’ iffriżar mill-Qorti

Uffiċjal ta’ Identity Malta li għaddej minn proċeduri kriminali, ħareġ €41,000 mill-kont tiegħu fil-bank minkejja ordni tal-Qorti għall-iffriżar tal-assi tiegħu.

Joseph Calleja ta’ 60 sena, kien tressaq il-Qorti f’Lulju li għadda akkużat bi frodi u miżapproprjazzjoni ta’ fondi  għal madwar €20,000. Hu kien ingħata l-liberta’ proviżorja u flimkien mal-ordni tal-iffriżar tal-assi, il-Qorti kienet ordnat li jagħmeldepożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €10,000.

Madanakollu, hekk kif ingħata l-ħelsien mill-arrest, ir-raġel ħareġ €20,000 mill-bank u €21,000 f’temp ta’ ftit jiem. Il-Pulizija fetħet il-proċeduri wara li kienet infurmata mill-bank.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud osservat li l-ordni tal-Qorti ingħata fil-preżenza kemm tal-akkużat kif ukoll tad-Difiża tiegħu u għaldaqstant ma kienx hemm dubju li Calleja ma kienx jaf li ma setax jiġbed flus mill-bank.

Għaldaqstant, il-Qorti sabet lil Joseph Calleja ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u kkundannatu għal sitt xhur ħabs u multa ta’ €1,000. Il-Qorti ordnat ukoll li l-flus li nħarġu ikunu depożitati fil-Qorti sakemm tintemm il-kawża kriminali li hemm kontrih.

Min-naħa l-oħra il-Qorti, fid-diskrezzjoni tagħha, iddikjarat li d-depożitu u l-garanzija personali ta’ €11,000 ma jkunux ikkonfiskati favur il-Gvern ta’ Malta. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Priscilla Caruana Lee.