Internazzjonali

Tfal tal-iskola salvati minn qattiel f’Kalifornja

Raġel armat li kien qatel erba’ persuni fl-inħawi rurali ta’ Kalifornja, fl-Istati Uniti, spiċċa jispara l-arma tiegħu għal ġo skola elementarja — fejn l-għalliema fil-post żammewh milli jidħol u, b’hekk, salvaw il-ħajja tat-tfal li kienu ġewwa.

L-istaff tal-iskola ta’ Rancho Tehama ħadu miżuri ta’ sigurtà immedjati wara li semgħu tiri ta’ arma fil-viċin u f’sitwazzjoni ta’ ‘periklu immedjat’.

Intant, l-aggressur armat laħaq spara lejn tfajjel li kien fl-iskola u ferih qabel hu kien ikkonfrontat mill-pulizija li qatluh fuq il-post. It-tfajjel mhux f’periklu li jitlef ħajtu waqt li xi tfal oħra spiċċaw midruba ‘meta ntlaqtu minn ħġieġ imfarrak’.

L-indikazzjonijiet huma li l-aggressur, identifikat bħala Kevin Neal, kien sfoga r-rabja li kellu bl-aktar mod imdemmi wara ġlieda mal-ġirien fil-komunità ta’ Rancho Tehama, fil-limiti ta’ Sacramento. Il-Pulizija temmen li Neal – li kien magħruf diġà mal-Pulizija — ‘iddeċieda li jeqred lil min isib quddiemu’ eżatt wara li hu kien spiċċa joqtol lil wieħed mill-ġirien tiegħu.

Intant, talanqas għaxar persuni spiċċaw midruba mir-raġel armat f’diversi lokalitajiet u meta jidher li Neal beda jagħżel ‘lil kulmin jiġi quddiemu’ bħala vittma. Filwaqt li l-aggressur laħaq spara għal ġol-iskola, hu ħassu frustrat u telaq ‘wara xi minuti’ meta l-għalliema rnexxielhom isakkru l-bibien kollha tal-bini.

L-awtoritajiet, wara, faħħru l-azzjonijiet tal-għalliema bħala ‘strumentali biex isalvaw il-ħajja tat-tfal innoċenti’.